Panew

Martin Morana
altPANEW (f’sens ta’ arkitettura) (pl. panewijiet)   Wieħed jista’ jirreferi b’dan in-nom għal xi tip ta’ dekorazzjoni fil-ġebel, ħafna drabi maħduma fis-saqaf ġo xi bini antik ta’ ċerta importanza. F’Malta hawn ħafna binjiet fejn is-saqaf hu ddekorat f’dan l-istil. Forsi l-aktar li jispikkaw huma dawk ta’ xi knejjes, inkella s-soqfa f’xi bereġ tal-Ordni. Jidher li dan l-istil dekorattiv kien beda jkun applikat f’Malta mit-tieni nofs tas-seklu sittax. Naraw dan ix-xogħol f’bosta binjiet, pereżempju fl-entratura oriġinali tal-Berġa tal-Italja, fi Triq il-Merkanti, il-Belt, kif ukoll fil-binja tal-Berġa ta’ Franza, fil-Birgu. II-kelma x’aktarx ittieħdet minn PANNELL, li tfisser ‘drapp li jitqiegħed taħt is-sarġ fuq dahar iż-żiemel’. Bl-Ingliż coffering.