In-nanna Alice hi oħt iz-ziju Fred u z-ziju Dward. Hi l-iżgħar fosthom u tiġi l-mamà tal-mamà tiegħi. Tħobbni wisq. San-nies iħobbu jgħiduli li “tan-nanna ħelu manna”. Jien ma nagħtix kashom. Min jaf għaliex jgħiduli hekk. Forsi bi ksuhat!
In-nanna mhix twila. Pjuttost imbaċċa sew għal mal-kobor ta’ wiċċha. Xagħarha tippettnah kuljum u tirrumblah fuq biċċa lastiku sewda. Wara tgħattih b’xibka rqiqa. L-istil tgħid li hu coronation.
Nismagħhom jgħidu li hi riditni għandha peress li meta l-mamà kellha lili, ħija Paul kellu ħdax-il xahar, u sena u tliet xhur warajja kien se jitwieled ħija Italo. Għalhekk bejn għax Paul hu l-fessud tan-nannu Pawl u n-nanna Nes u bejn għax bit-tarbija l-ġdida l-mamà ma tistax tlaħħaq, ħaditni għandha l-Blata l-Bajda, n-nanna Alice.
Mhux ta’ b’xejn kulħadd jirreferi għalija bħala tan-nanna Alice u tan-nannu Karm. U anki ismi bħal tiegħu, u bħalu ma nibżax… lanqas mill-babaw. Fix-xitwa, għax fil-kmamar kbar jagħmel il-bard, norqod bejn in-nannu u n-nanna. Xi ħmar hi l-gverta, jew iż-żwiemel li qatel Napuljun biex is-suldati jorqdu fihom fir-Russja! Ikolli sħana akbar.
In-nanna ħajjata tajba. Tgħidx kemm tħitli xorti. Sa qliezet b’toqba quddiem flok kużakk u pixies biex ma niħux rih. Dawn qishom mufflers, mitnijin min-nofs fit-tul, meħjutin tul ir-ras sal-għonq, u milbusin u maqfulin taħt geddumna b’ċoff mill-kumplament tad-drapp. B’hekk, ir-ras tkun mgħottija. Qisni tal-KKK!
Meta nitlobha xi ħaġa li tiswa l-flus tibgħatni għand in-nannu biex ngħid lilu u tiskanta ftit, meta tarah qatagħli xewqti. Kull filgħaxija tridni nitla’ maz-zija Connie għand il-mamà. Qabel, tibgħatni għand Pierino tal-ħobż. Nixtri ħobża żejda biex tibgħathielha miegħi. Tagħtini wkoll xi nofs tużżana bajd.
In-nanna qisha l-Anġlu Kustodju. Dejjem trid tgħidli x’inhu t-tajjeb. “Ara li tgħid benedizzjoni lill-mamà u lill-papà, u tagħtihom bewsa kull wieħed. Toqgħodx titlob ikel, għax int tiekol minn hawn”. Kultant b’dan it-twiddib kollu qisni lanqas inkun sejjer għand il-mamà Iżda lill-mamà u lill-papà nħobbhom ukoll. Anki lil ħuti. Magħhom noqgħod nilgħab bil-ftit ġugarelli li għandhom. Ġieli nagħtihom xi suldati minn tiegħi, għax jien għandi ħafna. Lili kulħadd jixtrili, iżda lilhom ftit li xejn.
Lin-nanna Alice qed jgħidulha tibda tibgħatni l-iskola tal-Gvern u l-Mużew. L-ewwel ġiet miegħi l-iskola, wara l-Għassa tal-Pulizija tal-Ħamrun. Għax dik tas-Sorijiet spiċċajtha. Qed nibki għall-bidu. U bil-biża’ li jisimgħuni l-pulizija noqgħod kwiet.
In-nanna Alice ġejja wkoll miegħi il-Mużew. Trid bilfors tkellem lis-Superjur. Il-Mużew tridni mmur, iżda mhux jekk ikolli naqta’ xagħri rizza jew li nkun bla ingravata. Klement, is-Superjur, qed iċedilha. Ħbiebi akbar minni, qed juruni kif nagħmel l-ingravata, biex qabel nidħol il-Mużew inneħħiha u wara nerġa’ nilbisha. U n-nanna tkun kuntenta u s-Superjur ukoll!
Issa li bdejt immur din l-iskola tal-kbar xorta qed immur kuljum għand il-mamà. In-nanna dejjem tgħidli “lill-mamà ħu ħsiebha!” Ma tantx nifhimha. M’hemmx il-papà u ħuti l-oħra għal hekk?
Biex żgur nibqa’ ħabib man-nanna, immur ukoll il-quddiesa ta’ kmieni filgħodu. Jekk nonqos, tgħidli li ma tħobbnix. Għalhekk nobdiha, inkella lanqas tħitli ħwejjeġ sbieħ.
Fix-xitwa, filgħaxija noqogħdu wara l-antiporta ngħidu r-rużarju. Hi toqgħod fuq siġġu u jien fuq pultruna ċkejkna quddiemha. Lejn l-aħħar posta nqiegħed rasi fuq saqajha u norqod. Tqajjimni xħin in-nannu jkun qed jagħlaq il-ħanut, biex ikun jista’ jidħol.
Kultant, meta saqajha jkunu juġgħuha tħobb taqbad mad-dahar ta’ siġġu u timxi miegħu fuq is-saqajn ta’ wara qisha ċaqlembuta. Fil-kexxun tagħha tal-gradenza għandha kaxxa sabiħa tal-kewba. Tgħid li għamilhielha n-nannu. Minn ġewwa bil-pannu aħdar. Fiha żżomm ħafna affarijiet tad-deheb. Fil-Karnival, meta nilbes ta’ pirata nkun nixtieqha tislifni ftit, iżda ma tagħtinix, lanqas jekk nibki. Mhux għax ma tħobbnix, imma d-deheb tan-nisa, la hu għall-Karinval u lanqas għas-subien!
Awtur: Charles B. Spiteri