Għall-iskola primarja

Daħlet l-1956. Sena li qed tarani nħejji għall-iskola primarja. Fil-Ħamrun hawn żewġ skejjel ta’ din ix-xorta. Waħda, dik magħrufa bħala ‘il-kbira’, li tinsab iktar viċin tal-mamà u l-oħra wara l-Għassa tal-Pulizija ħdejn il-fabbrika tal-ħalib.alt

Peress li din tal-aħħar hi l-aktar viċin tan-nanna Alice, intqalli li se mmur fiha. Kieku nippreferi l-oħra, għax inkun ma’ ħija Paul, iżda ladarba n-nanna u z-zija Connie jridu hekk, m’hemmx għażla.

Il-bieraħ kien l-aħħar jum tal-iskola tiegħi f’Tas-Samra. M’jienix se nara aktar lis-sorijiet b’dik il-qalb tal-fidda mdendla ma’ sidirhom. Se nibda bil-Miss jew Sir. Min jaf għand min se nkun?

altGħandi kollox lest għal għada. Mill-ħanut, in-nannu tani lapes kollu kuluri, qisu qawsalla, gomma, temprina, kaxxa tal-injam għal-lapsijiet u riga tal-pied, tal-injam ukoll. Maz-zija Connie se mmur nixtri bagalja tal-kartun mingħand Mrs. Grech, li għandha ħanut taż-żraben bejn il-ħanut ta’Toni ta’ Balalu u t-titotla, ftit ’il fuq mir-Radio City iżda man-naħa tagħna. Almenu anki minn dan il-ħanut għandi l-għażla għall-kulur tal-bagalja. L-isbaħ hi dik kannella skura, lewn il-karozza tal-logħob, tal-landa. li ftit ilu xtrali z-ziju Fred, u li timxi billi ndawrilha l-ħabel bħal tal-arloġġ.

In-nanna tidher li għoġbitha l-bagalja. Tridni ħdejha, u bħas-soltu bdejna s-salt mistoqsijiet. Il-multiplikazzjoni mit-tnejn sad-disgħa u l-qari minn ktieb bl-Ingliżu ieħor bil-Malti. Il-qari hu iktar għal qalbi. Qisni l-papà meta jirreċta. Inħoss li l-palk inħobbu. U Charles Arrigo, bil-mod tiegħu kif jaqra r-rumanzi fuq ir-Rediffusion, iqanqalni wisq. Waħdi nħobb noqgħod bil-ktieb f’idejja quddiem il-mera tal-lavaman, naqra u nħares fiha. Din il-mera titla’u tinżel fuq fus tar-ramm, li hemm kull naħa tagħha mad-dahar ta’ żewġ draguni tal-kewba. U meta naqra nħossni Charles Arrigo. Bilħaqq, bħalissa, filgħaxija mill-istess kaxxa tar-Rediffusion nisma’ ħafna ilħna sbieħ u differenti ta’nies li tabilħaqq jafu jirreċtaw. L-istorja jisimha Lorna Doone. Kemm nixtieq immur naqra fuq ir-Rediffusion, la nikber!

Illum ingħatajt il-ħwejjeġ tal-Ħadd. In-nanna Alice liebsa pulit ukoll. Ġejja miegħi l-iskola għax trid tara kif se mmur fl-eżami tal-oral. L-istonku tiegħi qed juġagħni. Mhux għax nibża’mill-oral, iżda la naf lil min se nsib, la naf hux se jkolli ħbieb u ma nafx l-ambjent tal-iskola hux bħal tas-Sorijiet tas-Samra.

altL-iskola, għalkemm mhix ‘il-kbira’, mhix żgħira. Fiha tliet bibien. Deħlin minn dak tan-nofs. Quddiemna bitħa ferm ikbar mill-passaġġ tal-ġnien tas-Sorijiet, iżda fl-ewwel kamra li dħalna, l-uffiċċju hu tal-injam isfar maħmuġ. Fil-ġenb, vetrina kbira mimlija kotba. Flok ħġieġ hemm wire bħal tat-tiġieġ.

Raġel twil u avvanzat riesaq lejna. Is-Surmast Torpiano. Wara kelmtejn ta’introduzzjoni man-nanna iridni nidħol miegħu fl-uffiċċju mdaqqas. Is-siġġu wara l-iskrivanija qed jistennieh joqgħod bilqiegħda. Jien bilwieqfa. Qed iqallibli l-multiplikazzjonijiet waqt li jħares ċass f’għajnejja. Minn ktieb bil-Malti u ieħor bl-Ingliż jislet paġna u fejn tiġi jridni naqra. Qed nibża’ftit nirreċta, iżda l-kuraġġ ma rħinix għal kollox.

Taptipa fuq dahri xħin qed iqum mis-siġġu, qed nifhimha bħala li mort tajjeb. Lin-nanna qed jitbissmilha u taha l-aħbar li kont ħsibt jien. Għaddejt. Nista’ nibda minn għada.

Fit-triq lejn id-dar, jien u n-nanna ninsabu ferħanin. Tant li mingħand raġel li ta’ kuljum jarma karrettun bil-ħelu, taħt is-siġar quddiem it-teatru Hollywood,  tridni nagħżel xi ħaġa. U nieħu ċikkulata Nestlè.

Filgħaxija l-ħsibijiet huma dwar għada. Min jaf kemm se jagħtuni kotba u pitazzi b’xejn. Min jaf insibx ħbieb u jekk fir-rikreazzjoni noħorġux niġru fil-bitħa. Għand is-sorijiet, qatt ma ġrejna u lgħabna kif xtaqna jien u l-ħbieb. Forsi minn għada l-affarijiet ikunu mod ieħor!

Awtur: Charles B.Spiteri

alt
alt
alt
alt
alt