Pentiment

Martin Morana

altPENTIMENT   Il-figura fantażma li tidher f’ċerti pitturi. Fil-pittura ta’ Santa Katerina, li hemm esebita fil-Mużew tal-Arti, il-Belt, il-pentiment li jidher hu marbut ma’ suġġett ta’ tema totalment differenti, li tittratta x’aktarx il-martirju ta’ San Pawl. Jidher għalhekk li l-istess tila li ntużat biex ikun impinġi dan il-qaddis reġgħet intużat biex issir ix-xena tal-martirju ta’ Santa Katerina ta’ Lixandra. Għaldaqstant dan mhux pentiment, għaliex biex ikun pentiment dan irid ikun ċaqliq tad-disinn tas-suġġett impinġi, hekk kif l-artist iħoss li għandu jbiddel il-pożizzjoni tal-figuri jew parti minnhom fuq it-tila. Eżempju ta’ pentiment fil-veru sens tal-kelma jidher fix-xogħol ta’ Guido Reni li hemm fl-istess mużew. Hawn jidher ċar li l-pittur ċaqlaq id-driegħ u l-minkeb ta’ Kristu. Mit-Taljan pentimento – bil-Malti dispjaċir (u għaldaqstant korrezzjoni).