
Fil-kantuniera l-oħra tar-Radio City, lejn il-Ħamrun hemm sqaq bejn il-bini u l-forn tal-Bażikk. Faċċata tagħhom tul dan l-isqaq, għalina t-tfal hemm qisha muntanja ta’ blata sħiħa min-naħa għall-oħra.
Il-Bażikk ikollu ħobż tal-Malti mit-tajjeb u għal xi żmien, flok ma mmur għand Pierino għall-ħobż tal-kexxun (tal-Franċiż), jew tal-Malti, li hu kategorizzat bħala tas-sikkina jew tas-salib, immur għandu. Anki bil-forn ġieli mmur, għalkemm hawn, fil-Blata l-Bajda, u fil-qrib, għandna erbat ifran – ta’ Pierino; ta’ Nicholas Borg, magħruf bħala tal-kafè, għax ibigħu u jitħnu l-kafè; tal-Bażikk u ftit aktar ’il bogħod, kif indur mal-aħħar mina u ninżel lejn il-Marsa hemm ieħor, li ma tantx immur għandu.
L-aktar forn li jidher antik hu tal-Bażikk. Il-Bażikk raġel qsajjar, b’żaqq forma ta’ katuba u jpejjep is-sigarru. Dejjem b’xi sarvetta mdawra ma’ għonqu. Ta’ Pierino u ta’ Borg aktar moderni u aktar indaf. L-akbar wieħed hu ta’ Borg u fil-Ħdud u l-festi, għandu l-aktar li jaqgħu nies biex isajru l-ikel.
Fil-faċċata ta’maħżen imdaqqas sew, hemm il-forn. Aktar lejn il-bieb ta’ barra, fil-jiem tal-forn jagħmel imwejjed twal li jifirdu lin-nies mill-parti ta’ ġewwa fejn ikun hemm Ninu jew ħutu jservu d-dixxijiet imsajrin. Bejn il-mejda u l-forn, speci ta’ dresser bla bibien, iżda b’purtiera, fejn iqiegħdu d-dixxijiet ta’ dawk li ma jaslux għalihom fil-ħin li jgħidulhom.
Allura mad-9.30 a.m. jew l-10.00 a.m. immur bl-ikel nej, f’dixx mgħotti b’karta strazza u fuqha sarvetta, jew inkella sarvetta mill-ewwel, nidħol u nqiegħdu fuq il-mejda. Ninu jew xi ħadd minn ħutu, jaqbad żewġ pjanċi żgħar bl-istess numru msammar fuqhom, jagħti wieħed lili u l-ieħor ideffsu fl-ikel. Jgħidli wkoll xħin għandi mmur għalih.
In-nanna dejjem tgħidli biex ngħidilhom joħorġuh f’nofsinhar – naturalment biex jibqa’ sħun u biex tal-forn ikun jaf xħin għandu jdaħħlu.
Kull forn għandu buqar mimli ilma, biex jekk is-sid jara li d-dixx ma jkollux ilma biżżejjed, iżidlu. Dan minħabba li jekk ma jagħmilx hekk, l-ikel, jinħaraq.
Għall-ħabta ta’ nofsinhar immur għad-dixx. Ġieli mqarrun jew lasagne (li aħna nirreferu għaliha bħala fdewwex) u ġieli laħam, tiġieġa jew qarabagħli mimli. Meta d-dixx ma jkunx bl-għaġin, dejjem ikollu l-patata l-forn miegħu. Ir-riħa bnina li jkun hawn f’kull forn, taqsamlek l-aptit, għax f’forn bħal dawn, l-ikel differenti ta’ kulħadd qisu jagħti palat differenti u aktar appetituż lill-ikel ta’ kull wieħed u waħda.
Għal biex inġib id-dixx id-dar, nerġa’ nieħu l-karta strazza u s-sarvetta, jew is-sarvetta biss u biċċtejn kartun, biex jekk id-dixx ikun jaħraq, naqbad il-widnejn tad-dixx bihom.
It-tentazzjoni tul il-biċċa triq mill-forn għad-dar hi kbira mmens. Nixtieq nieqaf fuq tarġa ta’ xi ħadd fit-triq biex innaqqar imqarruna maħruqa, jew niġbed xi patata tal-wiċċ. Iżda peress li n-nannu bil-ħanut tal-bazaar u lin-nanna jkellmuha ħafna nies, malajr jgħidulha xi nkun għamilt. U jekk issir taf li kilt xi ħaga fit-triq, għajr għal xi biċċa ċikkulata jew ħelwa, tagħmilli qorti sħiħa.
Għalhekk nagħmel mortifikazzjoni sa ma nasal id-dar, u nwassal id-dixx fuq il-mejda tal-ikel. Hemmhekk ningħata permess niġbed għaġina jew patata l-forn.
Meta npoġġu mal-mejda mdaqqsa, in-nannu u z-ziju Fred joqogħdu f’irjus tal-mejda, in-nanna Alice u jien f’ġenb u z-zija Connie u z-ziju Willie faċċata tagħna.
Ġeneralment, iz-ziju Dward, jew jiekol aktar tard, xħin jiġi mingħand Ċikku tat-titotla, fejn jiekol xi rock cake mal-inbid, inkella jintasab fuq mejda ċkejkna fil-kċina u jiekol fuqha waħdu, mdawwar bil-kelba Funny u l-qattusa Tanaxja.
L-ikel li jifdal fil-platti, niġbruh u z-ziju Dward iqattgħu irqiq bil-mus biex jitimgħu lill-ħamiem, tiġieġ u fniek, li għandna fuq, fit-terrazzin.