Bawxata għand it-Tabib

Charmaine Tanti M.A.

Is-sinjali tax-xjuħija kienu bdew jagħmlu tagħhom fuq in-nannu Ġużi. Beda jħoss saħħtu tonqos bil-mod il-mod. It-taraġ ma kienx għadu jitilgħu jiġri bħal qabel, u meta kien jimxi ftit fit-tul kienet taħkmu għejja kbira. Il-pressjoni u z-zokkor ukoll bdew juruh snienhom. Darba fost l-oħrajn in-nannu kien imissu jmur għall-viżta għand it-tabib Farrugia. Minbarra lin-nanna Marija, ħa miegħu wkoll lil Elise u lil Luca għax il-mamà u l-papà kienu nqabdu xogħol u ma kellhomx ma’ min joqogħdu.

It-tfal kellhom kurżità liema bħalha biex jaraw x’kien hemm fil-klinika tat-tabib għax qatt ma ftakru li qabel kienu daħlu hemmhekk. Malli sabu ruħhom ġewwa, ġew wiċċ imb wiċċ mas-segretarja li qaltilhom biex jistennew lit-tabib fuq is-siġġijiet tal-intrata. Qagħdu jduru mal-mejda tal-ħġieġ li kien hemm fin-nofs, u jaqbdu xi fuljetti, li kien hemm imferrxin ’l hawn u ’l hinn, u jaraw x’fihom. F’ħin minnhom in-nannu kellu bżonn imur sal-kamra tal-banju u n-nanna għenitu jasal s’hemm għax kellu jimxi kulitur twil. Wara ftit, it-tabib Farrugia ħareġ mill-kamra tiegħu u t-tfal mill-ewwel indunaw li kien qiegħed ifittex lin-nannu. Kien fih raġel b’żaqqu mdaqqsa u tonda qisha koppla, xagħru abjad qotna u ftit imwaqqa’ min-naħa ta’ wara, u wiċċu tond qisu sold u ruxxan. Fuqu kellu ġagaga bajda u kbira u f’idu l-leminija kellu n-nuċċali tal-qari. Luca u Elise ħarsu lejn xulxin u ma tkellmu xejn.

Hekk kif daħlu fil-kamra tal-viżti, it-tabib laqa’ lin-nannu bis-soltu daħka qawwija tiegħu li riegħdet ma’ kullimkien u meddu fuq sodda għolja apposta biex jinviżtah. Wissieh biex jistrieħ kemm jista’ jkun u ordnalu li jieħu xi pilloli wkoll. Wara, huwa ntasab bilqiegħda fuq l-iskrivanija, qabad il-pinna u beda jiktiblu r-riċetta tal-mediċina. Ma laħqitx għaddiet minuta li ma ħassx xi ħaġa qiegħda tiġbidlu l-qalza ta’ siequ x-xellugija. Għall-bidu ma tax kas, iżda meta l-ġbid issokta b’iżjed qawwa minn qabel, huwa ttawwal taħt l-iskrivanija. Wiċċu sar aħmar nar u tgħidx kemm kemmex xofftejh hekk kif lemaħ lil-Luca u lil Elise mejtin bid-daħk! Tistgħu taħsbu kif baqgħu n-nanniet meta raw lit-tfal ħerġin minn taħt l-iskrivanija tat-tabib! In-nanna qaltilhom biex jitolbuh skuża talli kienu daħlu hemm baxx baxx biex joqogħdu jinbxuh. It-tabib tbissmilhom u huma tbissmulu wkoll.

Malli ħarġu mill-klinika u rikbu fil-karozza tan-nannu, in-nanna indunat li Luca kellu xi ħaġa moħbija fil-komma tal-flokk. B’għaġeb kbir tagħha sabet li kien ħa n-nuċċali tax-xemx tat-tabib minn fuq l-iskrivanija tiegħu meta huwa kien medhi jinviżta lin-nannu. Hija tgħidx kemm irrabjat miegħu u n-nannu wkoll ma ħax gost, iżda ma kienx f’burdata li joqgħod jitbaqbaq. Kollha mistħija, in-nanna reġgħet daħlet fil-klinika u ħabtet fuq il-bieb tal-kamra tat-tabib. Ma damx ma fetħilha u hi newlitlu n-nuċċali tax-xemx filwaqt li spjegatlu kif kien spiċċa għandha. Huwa raddilha ħajr, tbissmilha kemm kemm, u weġibha li hija setgħet dejjem teħodhom magħha lil Elise u lil-Luca fil-klinika tiegħu basta joqogħdu jilagħbu fil-kamra magħmula apposta għat-tfal sakemm huwa jara lin-nannu. Mid-dehra t-tabib Farrugia ma riedx li jsiru aktar bawxati bħal ta’ dakinhar.