Jien u Missieri

alt Missieri Franz. Marmist San Ġwann. Magħlub, ipejjep u bin-nuċċali. Id-dar qatt ma joqgħod fuq siġġu, iżda għandu banketta bla dahar. Meta nitla’d-dar tal-ġenituri maz-zija Connie ġieli nsibu jogħrok xi biċċa rħama jew inaqqax l-ismijiet fl-irħam b’mazza u skarpell.

Ġieli wkoll isejjaħli ħdejh u joqgħod jilgħabli mad-dendula ta’xi widna. Nibża’ftit minnu għax ma’ħuti jgħajjat mhux ħażin. U leħnu qisu jirbombja. Meta xi ħadd minn ħuti joqgħod imqareb, ħafna drabi jaqla’ċ-ċinturin tal-ġilda kannella u jibda jsawwat l-art. Ġieli laqat lil xi ħadd ukoll u tibda tinwiħa minn min ikun intlaqat. S’issa li d-dar qegħdin xi erbat itfal biss, iktar jgħajjat milli jsawwatna. Għax lil Paul ma jsawtux minħabba n-nannu Pawl u n-nanna Nes. Lili ma jsawwatnix għax l-inqas li jara, ħija Italo l-fessud tiegħu u ħuti Mario u Romolo għadhom żgħar ħafna.

Il-papà jħobb imur jirreċta. F’xi ġranet li jien nitħalla norqod għand il-mamàjoħodni miegħu għall-provi. Uh kemm ikun hemm ilbiesi kkuluriti u sbieħ. Dawk biex jilbishom min ikun se jirreċta. U wara, ħafna minn dawk li jieħdu sehem, jerġgħu joħorġu fuq il-palk bil-ħwejjeġproprji tagħhom u jkantaw kanzunetta. Kemm nifraħmeta nisma’ċ-ċapċip wara li jkanta l-papà. Id-dar noqgħod nimitah. Ħija Italo jibża’jarah jirreċta. Jaħseb li meta jkun hemm xi ġlieda, tkun tabilħaqq. Allura jien u Paul ninkuh ftit. U hu jibda jirrabja.

F’reċta minnhom taparsi se joqtlu lill-papà. Lil Italo qed ngħarrfuh b’dak li se jiġri, għax inkunu diġàrajna l-provi. Il-mamàssikkitna. F’daqqa waħda tidher sikkina tal-injam. Bumm; u l-papàjaqa’fl-art. Storbju tgħidx kemm għax Italo qed jikbi u jixher. Il-mamàjkollha toħroġbih barra.

Dalgħodu s-Sibt. Irqadt għand il-mamàu l-papàse joħodni miegħu ix-xogħol. Qomt kmieni. Lill-kunduttur talbu l-biljetti bir-ritorn. Jiġih orħos, basta jerfagħhom. Ix-xogħol tal-papàiebes. Irid jerfa’miskin, għalkemm ikun hemm ħafna rġiel oħra. Nixtieq ngħinu iżda jkeċċini ’l bogħod. Nobdi għax nibża’. Imbagħad jisserra l-irħam ma’raġel ieħor u wara joqgħod jiffurmah skont id-disinn, bl-iskarpell jew bil-mola.

Jum minnhom waslet l-istatwa ta’Santa Tereża tal-Bambin Ġesùminn barra. Se jniżżluha San Ġwann u se jagħmlu kollox il-ħaddiema ħbieb tal-papà. Tidher li hi tqila fil-piż. Qisha f’tebut tal-ħġieġ. Ġejjin ħafna nies jaraw. Taħt rasha hemm id-domni. Kulħadd irid, iżda qed jgħidu li dawk għall-ħaddiema li niżżluha. Il-papàmessu ftit ukoll.


Fil-karnival itellagħna f’kamra fil-għoli fil-Kon Katidral ta’San Ġwann. Naraw kollox għaddej taħtna. F’dan il-karnival, in-nannu Pawl xtara maskra kerha lil ħija Paul. Sejjaħlu d-dar tiegħu, bieb ma’bieb mat-terran fejn joqogħdu l-mamàu l-papàu tahielu. Dak libisha.

Italo jrid imur ukoll għand in-nanna. Il-papàjħallih, iżda Italo jiġi lura mwerwer. Sab lil Paul ma’wiċċu mal-antiporta, liebes dik il-maskra kerha u nħasad. Il-papàjmur jara x’ġara. Mill-ewwel induna x’kien il-biża’u jwaħħal f’rasu li Paul għamilha apposta. Irid isawtu, iżda n-nanna Nes fiha iktar mill-papàu ma tħallihx.

Xi jiem ilu, l-post tal-papàgħamlu ċajta lil wieħed ħaddiem kwiet, JismuJoseph  Calleja. Waslu l-pagi ta’kulħadd fi flus. Madwar seba’liri kull wieħed. Lil dan il-ħaddiem ħaduhomlu, għax kien b’xogħol barra u sarrfuhomlu kollha f’soldi u sittiet. Tatu rasu xħin sabhom hekk f’borża. Iżda tawh sal-inqas sitta. Kellu jmur id-dar bihom.

Jekk fl-eżamijiet jien u ħija Paul ma mmorrux tajjeb, il-papàtgħidx x’jagħmel. Inlaqqtu daqqtejn ċintorin ukoll. Meta nkunu nafu li wasal ir-riżultat u jkun hemm xi ħaġa ħażina, xħin jasal nistaħbew taħt is-sodda. Iżda brikkun li hu, ħafif daqsna u jinżel jiġri għalina bħal għafrid. Id-dar tan-nanna Alice u n-nannu Karm, immur irrabjat.

Awtur: Charles B. Spiteri