Twieqi Miftuħa

Joseph Henry Abela, Qassis

Joseph Henry Abela, Qassis

Il-bniedem minnu nnifsu jħobb jintelaq; mhux bilfors jirnexxilu imma jipprova. It-tfal minnhom infushom, bil-logħob: min karti, min lapes, min bott, min ġebla, min dudu, joħolqu dinja ta’ ftehim, ta’ mistrieħ u dak li għalihom hu ferħ għalina l-kbar jew xjuħ hu ġenn.

Ħu ż-żgħażagħ: storbju, diski, inkejja, xorb, namrar, tertuqa; il-mod tagħhom kif ifendu ’l quddiem. Hemm minn żgħar, żgħażagħ, kbar, xjuħ ifittxu l-festa. Sparar, purċissjoni, grokkijiet, laqgħat mal-ħbieb, faċċati tal-knisja mixgħula, vara ħierġa, vara dieħla, marċi. Togħġbok jew ma togħġbokx il-festa fiha tifsira kbira.

Tista’ tħares lejha bħala aljenazzjoni jew ħela ta’ flus. Imma jibqa’ L-fatt li ddawwar lira u tiġbed in-nies tal-gżejjer minn barra xtutna. Illum hija l-festa ta’ Marija mnissla bla tebgħa: it-8 ta’ Diċembru.

Bħalissa int u taqra nies fil-Belt ta’ Bormla, Malta jifirħu u jġeddu t-tifkiriet u jogħxew għax fl-eqqel tax-xitwa ssir il-festa, għax jekk it-temp ikun aħrax, il-festa ma ssirx u għalhekk ikun hemm uġigħ il-qalb.

X’inhi l-festa tiegħi ? Btala, ġrajja, ħidma, persuna li tferrħek fil-ħajja tiegħek. Jekk kbirt u m’għadekx temmen ma jimpurtax. Imma jrid ikollok festa li temmen fiha nkella tobloq.

Il-Festa t-tajba lill-Bormliżi kollha ta’ MALTA u barra