L-irtokk aħmar max-xufftejn

Charmaine Tanti M.A.
altGħodwa waħda, in-nanna ta’ Donna marret tagħmel qadja importanti. Donna baqgħet id-dar man-nannu. Kif kienu waħidhom ghall-kwiet, in-nannu poġġa maġenbha fuq is-sufan, u qagħad jaqralha storja dwar il-prinċipessa s-sabiħa ta’ xagħarha twil u dehbi li kienet tħobb tiżbogħ xufftejha bl-irtokk aħmar ghall-ballijiet. Donna ħadet interess liema bħalu f’din l-istorja għax bdiet tistħajjilha l-prinċipessa billi hi wkoll kellha xagħarha kemmxejn safrani. In-nannu tgħidx kemm ħa gost biha meta raha daqshekk kwieta dakinhar. Ħaseb li forsi sa fl-aħħar kienet qed trabbi l-għaqal. Kemm kien sejjer żball!
 
Ħin minnhom, in-nannu kellu bżonn jillarga ftit biex imur sal-kamra tal-banju. Wissa lil Donna biex ma tqumx minn fuq is-sufan sakemm ma jkunx hemm hu. Xi kwarta wara, mar lura ħdejha, u hi qaltlu bi tbissima: “Ħellow, nannu.” Iżda xħin in-nannu ħares lejha biex ikellimha, baqa’ skantat. Donna kellha xufftejha miksijin b’xi ħaġa ħamra mill-ewwel ‘l hawn. In-nannu ma setax jifhem x’kien ġralha. Qabad iħokk rasu għax beda jinkwieta bis-serjeta’. Beża’ li setgħet qasmet xufftejha b’oġġett li jaqta’, u ħarġilha ħafna demm.
 
Kif ratu abjad karti bl-inkwiet, Donna infaqgħet tidħak f’wiċċu għax indunat li kien qiegħed jaħseb ħażin għalxejn. Meta staqsieha għalfejn kellha xufftejha ħomor nar, hija qaltlu li malli ratu dieħel fil-kamra tal-banju, marret tfittex l-istoċċ tal-“lipstick” tan-nanna fil-kexxun tal-komodina, u hekk kif ġie f’idejha dellket ftit “lipstick” ma’ xufftejha bħalma kienet tagħmel il-prinċipessa tal-istorja tan-nannu.
 Xħin sema’ x’kienet għamlet, in-nannu rrabja maghħa għax ma kinitx semgħet minnu, u qabbadha timsaħ xufftejha minnufih għax kienet aktar saret tixbah lill-buffu inkella lill-prinċipessa tal-istorja. Donna kellha tobdih għax beżgħet li jagħtiha xi kastig jekk ittellagħhomlu aktar.
 
Meta n-nanna waslet id-dar, in-nannu kellu jgħidilha b’kollox xħin sabet il-marki tal-“lipstick” fuq il-komodina. In-nanna mbagħad daħlet fil-kamra ta’ Donna ħalli turiha li kienet taf li marret tgerfxilha fil-kexxun tagħha. Iżda meta ħasset lin-nanna dieħla fejnha, Donna għalqet għajnejha, u għamlet tabirruħha li kienet rieqda ma jmurx ifettlilha tagħmel għaliha. Lil Donna kien jilħqilha moħħha iżjed milli kienet taħseb in-nanna. Mur għidilha kemm daħket waħidha xħin lemħitha ħierġa minn kamritha minn taħt il-għajn meta ħasbet li tassew kienet rieqda fil-fond!