Charles B. Spiteri

Minkejja li ż-żewġ ħutu l-oħra huma twal sitt piedi u ħames pulzieri, Nick Smith hu twil biss 35 pulzier. Hu wieħed minn 100 individwu fid-dinja li jbati mill-kundizzjoni ġenetika tan-nanuiżmu primordjali.
Dan ifisser li Nick, ta’ 21 sena minn Atlanta, hu wieħed mill-iqsar irġiel fid-dinja, b’tul ta’ tifel ta’ tliet snin, minkejja li qabeż l-adolexxenza tiegħu.
Bil-maqlub tiegħu, iż-żewġ ħutu Levi ta’ 18 u Travis ta’ 24 sena, għandhom tul li jiżboq il-medja, għax dawn ma tweldux bl-istess kundizzjoni, tant li Nick, li hu ikbar minn Levi, qagħad jarah jikber u jitwal ferm aktar minnu. Skont it-tobba, fid-dinja hawn 200 tip ta’ nanuiżmu u l-iżgħar fosthom huma dawk primordjali, bħalma hu Nick, li jiżen inqas minn 12-il kilogram u nofs. Dawn it-tip ta’ nies jistgħu jsofru minn mard li spiss ikun assoċjat max-xjuħija u ħajjithom hi waħda qasira. Fil-fatt, ħafna jmutu qabel ma jilħqu l-età ta’ Nick.

Ommu Shelly tgħid li Nick hu l-għaxqa ta’ qalbha. Hu bniedem kuntent u jferraħ u jimla l-qalb ta’ kull min jiltaqa’ miegħu. Tgħid li jħobb jieħu sehem fil-
break dancing u jkun irid jimpressjona lin-nisa bil-
press ups fuq id waħda.
Aktar kmieni din is-sena nstab li fil-Gran Britannja hemm tifla li tbati minn forma rari ta’ nanuiżmu primordjali, li tolqot biss tliet familji fid-dinja.

Suraya Brown twieldet fl-2007 b’piż ta’ inqas minn borża zokkor u twila biss sitt pulzieri. It-tobba damu ħames snin biex sabu l-kundizzjoni tagħha, għax meta kienet għadha ċkejkna, għalkemm baqgħet żgħira, kienet mibruma.
Illum il-ġurnata Suraya tmur l-iskola b’uniformi ta’ qies żgħir ferm maħduma speċifikament għaliha.