Ġieli jinstaddu l-katusi tar-rimi u trid u ma tridx ikollok tiftaħ għax l-irwejjaħ ma tiflaħhomx. Jista’ jkun li jkollok tiċċaqlaq għax bniedem diskorsu jdejqek, ukoll tieħu xogħol ġdid għax tkun tlaqt l-ieħor, imma li tiftaħ moħħok mhux lakemm isseħħ.
Int, mlaħħaq u m’intiex, taqra jew ma taqrax, tal-Knisja jew bil-maqlub, taf li kollox tiegħek tajjeb u int biss isib it-tarf tax-xkiel ukoll jekk taħseb li tiżloq u hekk temmen għax jekk xi ħadd ifettillu juri triq, dawl, mogħdija, ħsieb, mhux bħal tiegħek, tibilgħu u tieklu. Twerwer ukoll minn min jaħseb li hu ċkejken: ukoll jekk ikun tal-Knisja għax ma’ jkunx: Il-ġrajja ta’ qabilna u ta’ madwarna dan sqitulna bil-provi.
Biex tiftaħ moħħok l-ewwel ma trid tagħmel hu li trid, ukoll jekk dan ma teħtieġux; hekk taħseb. It-tieni trid tieħu l-ħin mhux kemm tixtieq int, imma kemm jeħtieġ; smajtu l-qawl: ‘Qattusa għaġġilija frieħ għomja tagħmel’.
Fittex nies li ma jingħalqux u li tarahom barra , ersaq lejhom, tħallat magħhom, tara kemm titgħallem li tinkwieta għalxejn. Sib mexxej tal-ħsieb u ftehim miegħu jew magħha u ara x’ilissinlek u isma’ u xtarr.
Għama jmexxi l-għama: it-tnejn jaqaw fil-ħofra. Moħħ miftuħ ifisser moħħ ħaj u li ħaddieħor ukoll iħossu tassew frisk u ħieles miegħek. Moħħ miftuħ ifisser li kull persuna timxi skond waqtgħa u għalxejn tgħaġġilha għax timxi għal rasha. Jekk qrajt dan hu xebbgħek m’għandekx għax tinħassad, moħħok mhux frisk. Ħasra jekk ma’ ntbaħtx.