Lura mill-Ġdid

Charles B. Spiteri
Ġuvni Ċiniż li 24 sena ilu nsteraq minn mal-posta tal-ħaxix, fejn kien ibigħ missieru, fl-aħħar reġa’ ngħaqad miegħu.alt
 
Dak iż-żmien, Sun Bin kellu biss erba’ snin. Kien akkumpanja lil missieru fis-suq tal-belt ta’ Chengdu, mnejn insteraq. Illum, li Sun għandu 28 sena, sar jaf li kien inbiegħ lill-ġenituri adottivi tiegħu, koppja fqira u bla tfal, għall-prezz ta’ £250, u ttieħed joqgħod 1,000 mil bogħod.
 
Il-ġuvni rrakkonta li l-fatt li min xtrah kellu jħallas il-flus għalih, kien ifisser li kien hemm bogħod mhux ħażin bejniethom.
 
Jistqarr li kiber iħobb lill-ġenituri l-ġodda, għax dejjem kienu twajba miegħu, iżda minn dejjem ħass li kellu jsib lill-veri ġenituri tiegħu.
 
Meta ħass li kiber biżżejjed, beda jfittixhom bla ma wera lil dawk li adottawh, għax ma riedx jiksrilhom qalbhom.
 
It-tfittxija bdiet ħames snin ilu u permezz tad-DNA u d-database  tal-Gvern, sab lil xi ħadd li jaqbel ma’ tiegħu.
 
Missieru Ku ta’ 45 sena u ommu Lo, qattgħu erba’ snin jivvjaġġaw maċ-Ċina, bit-tama li jsibu lil binhom, iżda qatgħu qalbhom għal kollox fl-1995.
 
Bil-ferħ f’qalbu, Ku, dakinhar li ltaqa’ ma’ ibnu qal: “Għad għandi fuqi r-ritratt li ħadtlu erbat ijiem qabel ma’ għeb.
 
“Kont inbigħ il-ħaxix fis-suq tal-ikel f’Chengdu. Kelli klijent li kont qed naqdih u xħin fittixt lil ibni nsib li sparixxa. Kulma kien fadalli tiegħu hu dan ir-ritratt, li nġibed meta kellu erba’ snin u ġimagħtejn.
 
“Qattajna s-snin, jien u marti nivvjaġġaw. Fl-aħħar, tant inkeddet, li marti mietet qabel żmienha.”
 
Ku rrakkonta li ma stenniex wisq mid-database  tad-DNA, iżda kien ferħan se jtir meta rċieva telefonata, tinfurmah li ibnu kien instab.
 
Il-pulizija ta’ Chengdu, qalet li qed jinvestigaw il-każ u arrestaw kompliċi suspettat, milli kien biegħ lil Sun Bin lill-ġenituri adottivi tiegħu.
 
Il-ġuvni qal li hu kuntent li reġa’ ngħaqad ma’ missieru u oħtu, li twieldet fl-1995 u ma jridx li jittieħdu passi kontra l-ġenituri li adottawh. Mhux hekk biss, talli lest jieħu ħsieb liż-żewġ familji.