Minn Charles B. Spiteri
Joseph Borda kienu sitt aħwa tal-koppja Karmenu u Karmena. It-tifel il-kbir kien jismu Karmenu, li sar qassis – imbagħad hu u warajh William, Johnnie, Mary u Tonina. Huma kienu joqogħdu Santa Venera.
Mary, minn Strada Vitorja, il-Ħamrun, kienu żewġ aħwa. Ħuha Toni u hi, ulied Luċija u Indri magħruf bħala ‘tal-figurini’, peress li kellu ħanut u kien jaħdem il-figurini.
Inġibdu lejn xulxin fi żmien il-gwerra. Mary tiftakar li jum minnhom kienet barra f’xi s-2p.m. tnaddaf il-bieb, għax minkejja l-gwerra, it-tindif xorta waħda kien isir. Id-differenza fil-ħajja ta’ dak iż-żmien kienet li kif jisimgħu tħabbira ta’ attakk mill-ajru, kienu jinżlu fix-xelter.
Dak il-ħin rat ġuvni gustuż riesaq lejha fit-triq. F’qalbha qalet li aħjar tibqa’ tnaddaf ftit ħalli tara min kien. Meta għadda minn quddiemha ħares lejha u hi baqgħet tħares lejh. Minn dakinhar, Mary ħaditha drawwa li ta’ kuljum fis-sagħtejn ta’ wara nofsinhar tkun barra tnaddaf il-bieb, biex tara terġax tilmħu u forsi jidħqilha.
Kellha tistenna erbat ijiem oħra biex setgħet tarah u r-raġuni kienet li Joseph kien għadu kemm daħal suldat u kien imur id-dar darba kull ħamest ijiem. Għalhekk fil-jiem l-oħra, Mary ma setgħetx tarah.
Kif bdew in-namur
Inzerta wkoll li Mary kellha tiltaqa’ miegħu meta marret għal-lezzjoni tal-ħjata. Raw lil xulxin u tbissmu, waqt li Mary mxiet warajh. F’ħin minnhom Joseph ħares lura u reġa’ raha. Kienet l-ewwel okkażjoni biex bdew il-ħajja tan-namur tagħhom.
Damu jiltaqgħu hekk, bil-moħbi għal xi snin, peress li dak iż-żmien Mary kellha biss tnax-il sena, waqt li Joseph kellu sbatax. Allura kienet tibża’ tgħid lil ommha bin-namrat tagħha, l-ewwelnett għax kienet għadha ċkejkna u t-tieni, għax dak iż-żmien, id-dixxiplina kienet stretta mmens u differenti minn tal-lum. Terġa’ fid-dar kienu jridu jobdu b’għajnejhom magħluqa lil ommhom, għax missierhom kien kbir u marid.
Wara xi snin kien hemm xi ħadd li mar isefsef lil Luċija, li bintha kienet qed tkellem ġuvni, u għalhekk ma ridithiex toħroġ aktar mid-dar. Riedet ukoll taf min kien dak il-ġuvni.
Għalhekk għal waqt żgħir, Joseph u Mary ma setgħux jiltaqgħu. Iżda ġara li f’jum sajfi, meta kienu ma’ ġara fuq is-siġġijiet barra l-bieb, Mary lemħet lil Joseph riesaq lejhom. Ħadet qatgħa f’imsarinha minħabba ommha, għax beżgħet li tillifruntah.
Min-naħa tiegħu, meta Joseph lemaħ lil Mary ma’ dawk iż-żewġ persuni, waqaf ħdejhom u Mary qalet lil ommha, li kien dak il-ġuvni li kienet qed tkellem.
Milqugħ fid-dar
Għalhekk, il-ħabiba ta’ ommha qaltilhom; “Ara, id-diskors ma jsirx hekk. Itilgħu għandi u tkellmu fuq.” Għamlu hekk u qagħdu jitkellmu. Ħaġa tal-iskantament kienet li minn xħin rat lil Joseph, Luċija qisha wkoll ħadet grazzja miegħu, għax la qalet xejn lil bintha u lanqas irrabjat magħha. Anzi lil Joseph qaltlu li jekk ried ikellem lil Mary, kellu jmur għandhom id-dar u mhux joqogħdu fit-toroq. Sa dakinhar, Mary kellha 16-il sena.
Allura minn dak il-jum, il-laqgħat ta’ Joseph u Mary kienu jsiru fid-dar tagħha u dejjem taħt il-ħarsien strett ta’ ommha. Tpoġġi mal-mejda xħin ipoġġu huma u tqum xħin iqumu huma. B’mod ċajtier, Joseph u Mary jirrakkuntaw li kien isir hekk biex ma jmurx imissilha xi ftit riġlejha. Iżda dak iż-żmien, l-għarajjes kollha kienu jgħaddu mill-istess esperjenza. U f’laqgħat hekk, qajla kienu jistgħu jitkellmu fuq l-imħabba u l-futur tagħhom. Iżda għal Joseph kien ikukn biżżejjed li fil-fil-frank tiegħu, ikun ftit qrib il-maħbuba ta’ qalbu.
Jiftakar li fl-istess żminijiet, Mary kienet tirrakkma u allura kien jintasab maġenbha jaraha taħdem, bil-lampa tal-pitrolju, għax lanqas dawl ma kien għad hawn fid-djar. Jirrakkonta wkoll li omm Mary kienet tħejji minn qabel xi ikel biex waqt li jkun għandhom, jieklu xi ħaġa.
Mistoqsi x’qalu l-ġenituri tiegħu meta saru jafu li kien qed ikellem xbejba, Joseph qal li mill-għada li kien kellem lil omm Mary għand il-ġara, din marret għand il-ġenituri tiegħu biex tgħarrafhom. U minn xħin raw lil Mary, aċċettawha mill-ewwel bħala binthom u berkuhom. Joseph lanqas kien hemm, għax kien qiegħed xogħol għal erbat ijiem.
Meta Joseph beda jidħol id-dar ta’ Mary, qablu li tmien xhur wara, jiżżewġu.
Passiġġati
Mary tirrakkonta li l-għerusija tagħhom fl-antik kienet ferm differenti minn tal-lum. Dak iż-żmien, allaħares kienu joħorġu sal-bankina tat-triq weħidhom, mingħajr ma jkollhom lill-kuġini magħhom. Iżda dan ma jfissirx li ma kinux imorru jaraw xi film fiċ-ċinema, minkejja li kienet il-gwerra. Kienu jmorru xorta waħda r-Rex, Trianon u l-Odeon u anki xi passiġġata. L-importanti li jkollhom lil xi ħadd magħhom.
Iċ-ċrieket tal-għerusija kien xtrahomlhom missier Joseph, għax dak iż-żmien ma tantx kien hawn flus fl-idejn. Mary ħadet iċ-ċrieket għand saċerdot u berikhomlha. Ma kellhom ebda festin.
L-għarajjes qatgħuha li jgħixu fid-dar tal-ġenituri ta’ Mary, għax djar ma kontx issib biex tikri u l-kera isimha magħha, l-aktar f’dawk iż-żminijiet ta’ mingħajr flus. Wara kollox kienet drawwa li l-għarajjes jiżżewġu u joqogħdu ma’ tal-familja.
Dakinhar taż-żwieġ, li sar fit-23 ta’ Awwissu, 1941, Joseph kellu wieħed u għoxrin sena u nofs u Mary kellha sittax-il sena u nofs.
Jiftakru li għall-okkażjoni, huma krew il-parilja biż-żwiemel mingħand il-Ta’ Fidiel. Il-kunsens sar quddiem Dun Nerik Cordina Perez, li kien il-kappillan tal-Ħamrun. Ix-xhud ta’ Mary kien zijuha Salvu, ħu ommha u dak ta’ Joseph kien ħuh, Willie. Il-libsa tat-tieġ ta’ Mary ħitithielha Nena, il-ħajjata li kienet tmur titgħallem tħit għandha.
Wara li żżewġu, Joseph u Mary marru għand Cassar tar-ritratti għar-ritratt okkażjonali tat-tieġ u wara marru d-dar ta’ Mary, fejn kellhom riċeviment familjari żgħir.
Il-qamar il-għasel tagħhom kien speċjali. Daqq is-sinjal ta’ ħbit mill-ajru u kellhom niżlu jiġru jorqdu fix-xelter, flimkien ma’ nies oħra.
Valuri Nsara
Huma jiftakru żminijiet fejn il-valuri Nsara kienu ferm aktar qawwija, bir-reċtar tar-rużarju kuljum u jekk jista’ jkun bis-smigħ tal-quddiesa wkoll. Illum, l-affarijiet ħadu xejra oħra iżda Mary tħeġġeġ lil uliedha jgħidu r-rużarju, biex il-Madonna tħarishom.
It-tfal għall-koppja Borda bdew wara xulxin. Ħdax-il xahar miż-żwieġ, kellhom lill-ewwel tarbija, li mietet ħames snin ilu. Kien jisimha Charlie. Kien miżżewweġ lil Josephine u kellhom tlett itfal; Rita, Christopher u Josef. Imbagħad romol u żżewweġ lil Catherine. Warajh kellhom lil Joseph, miżżewweġ lil Carmen u għandhom tifel, jismu Stephen. Imbagħad kellhom lil Andrew, miżżewweġ lil Carmen u għandhom żewġt itfal: David u Monica.
Wara kellhom lil Margaret, armla ta’ Joe, li għandha lil Robert u Tracey. Ftit wara ġie Freddie, miżżewweġ lil Josephine u għandhom erbat itfal; Simon, Kevin, Manfred u Daniel. Warajh Rita, miżżewġa lil Joseph u għandhom tlett itfal: Nathalie, Christabelle u Gawdenzio.
Imbagħad, Anna, li għandha lil Joanne u Donnah. Warajha Rose, miżżewġa lil Charlie u għandhom tlett itfal: Ritianne, Jean Pierre u Ann Marie. Peress li kellha ħafna għal qalbha x-xogħol tal-ħjata u r-rakkmu fetħet il-ħanut li fih kien jaħdem missierha u bdiet tħit ħwejjeġ tat-trabi u tirrakkma. Fil-fatt kienet magħrufa sew għax-xogħol sabiħ tar-rakkmu li kienet tagħmel.
Mary tgħid li sakemm kibru uliedha, kellhom id-dixxiplina tagħha u ta’ ommha, peress li kienu joqogħdu fl-istess dar. Iżda meta kibru, kellhom l-istess libertajiet bħaż-żgħażagħ tamparhom. Lanqas kellhom is-sikkatura ta’ żmienha.
F’għeluq il-50 sena żwieġ, kellhom quddiesa fil-kappella ta’ San Ġużepp, Santa Venera, u wara marru għal riċeviment fis-sala tal-knisja l-qadima ta’ Birkirkara.
Meta għalqu 60 sena miżżewġin organizzaw kollox f’Tas-Sgħajtar, kemm il-quddiesa kif ukoll ir-riċeviment.
Sorpriża

Imbagħad f’għeluq it-68 sena, it-tfal organizzawlhom sorpriża. It-tifla ż-żgħira Rose qaltilha li kienet rebħet żewġ biljetti għal ikla u peress li kienet se tagħlaq 28 sena miżżewġa u ommha 68 sena, xtaqet li magħha u ma’ żewġha, tieħu lilha u lil missierha għal din l-ikla fil-lukanda. Mary aċċettat. U Rose ħadithom il-lukanda Canifor. Hemmhekk resqu lejn sala mimlija bin-nies, li hekk kif Mary u Joseph waslu ħdejhom, sabu li kienu kollha familjari. Bdew iċapċpulhom, ibusuhom u jifirħulhom, waqt li huma baqgħu skantati.
Mistoqsijin jekk wara 73 sena l-imħabba tibqax b’saħħitha, huma wieġbu li l-imħabba m’għandhiex età. Jekk tnejn ikunu jinħabbu bis-serjetà, jiġri x’jiġri, ir-raġel jew il-mara jridu jaħfru, jagħdru u jinsew, għax kulħadd ikollu xi jgħid. Iżda qabel ma jorqdu, dejjem ikunu paċi mill-ġdid ma’ xulxin.
Jaqblu wkoll li l-ħażen kien minn dejjem, iżda kien moħbi u mhux bil-kwantità li qed ifaqqas illum.