Għand tal-grocer

Fi Triq il-Kbira l-Ħamrun m’aħniex neqsin mill-“grocers”. Ħanut minnhom maġenbna, tliet bibien bogħod mid-dar. Insibuh bħala ta’ Marija l-Għawdxija, għax hi minn Għawdex. Ieħor fil-kantuniera, ta’ Ċikka, u kif taqsam il-kantuniera u taqbad il-bankina l-oħra hawn il-“grocer” ta’ Toni ta’ Balalu.

Meta n-nanna tkun tridni nixtrilha xi ħaġa mmur għand Marija, l-ewwel nett għax viċin tagħna u t-tieni għax it-tfal tagħha, Nenu, Ġużi u Lolly huma ħbieb tiegħi. Id-dehra tat-tliet ħwienet hi antika ħafna. Xkaffar għoljin bil-prodotti fuqhom, kaxxi mferrxin kullimkien fl-art, kxaxen goffi għall-għaġin tar-razzjon, tankijiet tal-45 gallun biż-żejt, li wkoll jinbiegħ bir-razzjon, vetrini għall-ħelu u oħra għall-ġobniet u l-laħmijiet bħal perżut, murtadella u luncheon meat tal-użin.

Sa issa, kollox tixtri bin-nofs kwart u nofs nofs kwart. Ġieli nixtru x-xaħam bl-użin, li jkun f’laned kbar. Ir-riħa tiegħu tinten. Bih nagħmlu l-qali tal-ikel, u lin-nannu ġieli narah jidlek il-ħobż bih. Fit-tisjir, ir-riħa tiegħu inxommha wkoll, iżda ħaġa tal-iskantament naħseb li fit-togħma, l-ikel jiġi aktar bnin.

Anki l-kunserva tinbiegħ bl-użin. Tal-ħanut iqegħidha fil-karta strazza u jiżinha. Ta’ tfal, l-aktar li jogħġobna hu l-grass fil-landa tal-perżut. Joħloq furur. It-tfal kollha tat-triq bl-imħatra min jilħaq jixtrih l-ewwel. Lolly ġieli javżani u jerfagħhuli. Aħna ħbieb sew, tant li anki meta ħarġu kupuni ma’ kull xirja, li ħafna minnhom jitbiddlu ma’ xirja b’xejn, ibigħli wieħed b’xi sitt ħabbiet. Naħseb li nannti jaqblilha wkoll.

Mingħand Ċikka n-nannu jibgħatni nixtrilu l-aringi ppurfumati. Ir-riħa tagħhom tfuħ wisq. Ikun iridhom bl-attun, għax l-aringi tista’ jew tixtrihom bil-bajd jew bl-attun. Ngħid għalija t-tnejn inħobbhom sal-lum. Ma’ aringa, kemm jien kif ukoll hu nieklu ħobża kbira. Għall-ikel, lil nannuwi tilgħablux. Anki rota ħobż, trid tkun qisha bankina, inkella jgħidlek li l-“ostji għall-knisja biss tajbin”.

Għand Ċikka nħobb immur għax ma’ barra, fuq it-tarġa għandha vetrina bil-ħelu li hu differenti minn tan-nannu. Fosthom għandha pakketti bi “chewing gum” ċkejkna li magħha jkollok tliet ritratti kbar tal-ġungla. Meta nakkwista xi sold ’l hawn u ’l hinn nerfgħu għal meta mmur għandha. Imbagħad inpartat l-istampi pariġġ ma’ ħbiebi tal-iskola.

Il-ħanut ta’ Toni ta’ Balalu hu l-aktar ’il bogħod. Toni raġel kwiet u nadif. Għandu kalma tal-għaġeb. Qisu qaddis. Fuq il-bank, għandu nkwatru bil-bambin dejjem mixgħul. Bħala ħanut naħseb li hu l-aktar kwiet. Forsi għax ibigħ raġel u għalhekk in-nisa ma jaqbdux parlati.

Fil-ġenb tal-lemin għandu bankijiet tal-injam fejn iżomm l-affarijiet tar-razzjon. Fuqhom għandu l-ixkafef bil-bottijiet. Man-naħa l-oħra bank wiesa’ u fuqu xkafef b’tazzi u maggijiet għall-bejgħ. It-tazzi dejjem mingħandu nixtrihom. Sikspenz (2ċ5m) ’il waħda. Il-maggijiet għandu ħafna kwalitajiet. Żgħar u kbar, tal-pyrex jew taċ-ċaqquf, lewn isfar skur b’kannizzati suwed fuqhom.

Nhar ta’ Sibt filgħodu n-nies ma tabbastax tixtri. Immur xħin immur fil-grocers, dejjem mimlijin nies. Il-Ħdud jiftħu wkoll, sa nofsinhar. L-agħar ħinijiet huma meta jitqassam ir-razzjon. Min jaf s’issa kemm xtrajt razzjonijiet. Immur b’żewġ kartuniet ħodor (ir-ration card) li jġibhom minn xi uffiċċju z-ziju Fred, u tal-ħanut jingassali d-dati u l-affarijiet li nieħu. Naturalment għandna żewġ razzjonijiet, għax in-nannu, in-nanna u z-zija Connie huma familja għalihom u z-ziju Fred u z-ziju Dward huma żewġ aħwa li jgħixu flimkien magħna.

Ir-razzjon jikkonsisti f’ħalib tal-bott bħall-ieħor li nixtru iżda orħos fil-prezz, żejt, li wkoll ikun irħis, zokkor u għaġin. Dan tal-aħħar hu bl-għażla – sakemm jibqa’ — jew imqarrun twil pied u spagetti, pinen, tarja, tal-brodu jew makkarunelli. Peress li hu bl-użin, u jasal għand tal-ħanut fi xkejjer ma tantx jibqa’ sħiħ, almenu tal-qiegħ u tal-ġnub. Iżda kulħadd jixtrieh u jikkunsmah.