
B’din l-istorja rrealizzajt li tal-ktieb xejn ma kienet ħaġa stramba. Għaliex?
Mela f’Benidorm, fi Spanja, ittellgħu żewġ torrijiet għoljin 200 metru, li kienu qed jitqiesu bħala l-viżjoni tal-futur għal dak il-pajjiż, li qed jipprova jirpilja mill-kriżi finanzjarja li għattbitu.

Iżda ftit xhur qabel ma tlesta, il-kuntratturi ħabbtu wiċċhom ma’ problema mmensa. Insew jibnu lift!
Għall-bidu, t-torrijiet kienu disinjati biex jogħlew sa 20 sular, iżda l-iżviluppaturi ambizzjużi ddeċidew li jirduppjawhom. Għalhekk, il-lift li kellhom ordnat u twaħħal fil-post, iwassal biss sal-għoxrin sular u għall-kumplament (20 oħra) dak li jkun irid juża t-taraġ. Issa, l-gazzetta Spanjola El Pais irrappurtat li la hemm spazju għal lift ieħor u lanqas għat-tagħmir tal-mutur.
Dan il-bini kellu jkun inawgurat fl-2009, iżda minħabba r-riċessjoni fil-pajjiż, kollox mar il-baħar. Meta f’Lulju ta’ tliet snin ilu kien stallat il-lift għall-20 sular, dan waqa’ u weġġa’ lil 13-il ħaddiem.
Hu rappurtat li s’issa nbiegħu biss 35 fil-mija tal-appartamenti, li jlaħħqu għal 269. Il-kumplament se jitlestew sa Diċembru tas-sena l-oħra u jinbiegħu bi prezz ferm orħos.