Karozza bla ħtieġa ta’ sewwieq

Charles B. Spiteri

Charles B. Spiteri

alt

Il-kumpanija Google dan l-aħħar ħabbret li se tibni karozza li tinstaq weħidha – u l-pjani huma li fi żmien sena ssir rivoluzzjoni sħiha fil-vetturi fit-triq.

Sergey Brin, ko-fundatur kixef din il-karozza, li se tkun mgħammra biss b’buttuna ta’ ‘suq’ u ‘ieqaf’ u tkun kapaċi ttella’ ħeffa sa 25 mil fis-siegħa.

Flok ma ħadmet fuq karozza li diġa’ tinsab fis-suq, il-kumpanija ġganteska bniet il-mudell tagħha u qed taħdem fuq madwar 100 prototip biex saritilhom il-prova. Il-ħsieb wara dawn il-karozzi hu li jneħħu l-uġigħ ta’ ras minn fuq is-sewwieqa.

Id-disinn tal-karozza hu ta’ wiċċ ħabib, biex in-nies ma taqtax qalbha u taċċetta din it-teknoloġija ġdida.

Ingħad li dawn il-karozzi se jnaqqsu bosta problemi, fosthom li waqt il-ħin tal-kolazzjon, il-ħaddiema jistgħu jmorru jduru mingħajr il-ħsieb li jsibu fejn jipparkjaw. L-anzjani jistgħu jmorru fejn iridu bla ma jġorru ċwievet, u l-aqwa fosthom hu għal dawk is-sewwieqa li jkunu xorbu xi grokk żejjed u ma jixtiqux isuqu lura.

Dawn il-karozzi ma għandhomx, la steering, la pedala tal-gass u lanqas tal-brejk… għax m’għandhomx bżonnhom. Chris Urmsom, direttur tal-proġett qal li s-software u s-sensors se jagħmlu x-xogħol kollu huma. Li  hemm fil-karozzi huma biss il-buttuna  ta’ ‘suq’ u ‘ieqaf’  u screen  li juri r-rotta.

Urmon qal li l-karozzi se jirrivoluzzjonaw is-sewqan, b’mod li s-sigurta’ tingħata prijorita’.