Timla Rasek!

Joseph Henry Abela, Qassis
altMalli nitwieldu nibdew noħolmu u nistħajlu x’jista’ jkollna u kif  nistgħu nkunu u għalhekk min jersaq lejna u leħnu jkun ħelu u melliesi, aktarx jimlielek qalbek u tħossok fis-seba’ sema u torqod hieni jew hienja.
 
Tgħaġġilx, stenna għax iż-żmien isajjar il-bajtar. Ħafna jwegħduk ġenna fl-art jew sbuħija mill-aqwa – dar, karozza, tieġ. Oqgħod pass lura! Moħħok jimtela mill-ewwel u maż-żmien taqsam qalbek. U issa ma tafda lil ħadd. 
 
Kun dħuli, żomm kelmtek, tqarraqx imma tistenniex li ħaddieħor se jagħmel l-istess. Fejn tista’ medd idejk u toħroġ aħjar fil-ħin.
 
Ibni li tixtieq ġo moħħok u fittex l-għajnuna, imma sserraħx fuq l-oħrajn għax tibqa’ b’xiber imnieħer. Tixtrix ħut fil-baħar! Kien hemm bosta li bi sħab ftehmu u wara ntebħu li s-sħab fis-sema.
 
Imxi pass pass u tasal kmieni u qalbek ma taqsamhiex. Hekk il-ħajja; duq u ara, qis u aqta’. Tiftaħx il-bieb beraħ għax riefnu ta’ dwejjaq jista’ joħodulek.