Minn Charles B. Spiteri
Bħal numru ta’ Żwieten oħra, il-ġenituri ta’ Carmelina kellhom residenza sajfija f’Birżebbuġa. Hemmhekk, ta’ kuljum, Carmelina u l-ħames ħutha iżgħar minnha kienu jinżlu jgħumu. Jum fost l-oħrajn hi u Gawdenz ġew wiċċ imb’wiċċ u nibtet l-imħabba fi qlubhom. Gawdenz, li aktar tard laħaq avukat, avukat tal-Kuruna u anki Maġistrat, bi tbissima jirrakkonta li lil martu sabha fil-baħar, l-istess kif kien instab Mosè.
Jum wieħed, lil ħu Carmelina, Gawdenz qallu li hu kien jiġi minnhom. Dak mar qal lil ommu u fil-verità nstab li kien terz’kuġin tal-omm.
Omm Carmelina kienet mara li tifhem sew lil uliedha, u dawn kienu jirrikorru lejha f’kulma jeħtieġu. Kien għalhekk li Carmelina mill-ewwel stqarret magħha l-ġibda tagħha għal Gawdenz. Minn missierha baqgħet lura, għax kien ta’ dixxiplina kbira.
Jidħlu ’l ġewwa
Ġeneralment, nhar ta’ Ħadd filgħaxija, il-ġenituri ta’ Carmelina kienu jintasbu fuq is-siġġijiet, fuq il-bankina, jaraw lin-nies għaddejjin. Meta mill-bogħod kienu jilmħu lil Gawdenz riesaq, kienu jidħlu ġewwa. Darba, ommha qaltilha li ma setax ikun li joqogħdu jagħmlu hekk kull darba, u meta reġgġu lemħuh riesaq, ommha qalet lil missierha li dak il-ġuvni twil li kien ġej lejhom, kien qal li jiġi minnhom. Il-missier ma tax kas.
Iżda Carmelina kienet toħroġ lil oħtha ż-żgħira fil-pushchair u bl-iskuża tagħha, tiltaqa’ ma’ Gawdenz, li kien fl-aħħar sena tal-kors tal-liġi, fl-Università. Ma damx ma għadda wisq żmien, meta darba, quddiem missierha, oħtha ż-żgħira qalet lil ommha li fit-triq kien hemm raġel li beda jżomm id Carmelina.
Min-naħa tiegħu, il-Maġistrat Gawdenz Borg jirrakkonta li fil-familja tiegħu kienu żewġt aħwa, hu u ħuh akbar minnu George, li laħaq tabib u kien imdaħħal fil-politika. Kienu joqogħdu l-Gudja.
Il-Maġistrat isemmi li l-ħajja tat-tfulija tiegħu ma tantx kienet fortunata. Ommu mietet meta hu kellu għaxar snin. Dak iż-żmien, missieru, Toni kellu 42 sena u kien deċiż li ma jerġax jiżżewweġ. Ir-raġunijiet għal dan kienu li jekk it-tieni mara ssawwathom, kien jasal jgħid li sawtithom għax ma kinux it-tfal tagħha, u jekk ma ssawwathomx, jgħid li mhix tagħti kashom għax mhumiex tagħha. Għalhekk, għall-imħabba li kellu lejn iż-żewġ subien tiegħu, iddeċieda li jibqa’ armel u jagħmel ix-xogħol kollu ta’ missier u ta’ omm. Hu miet bil-bombi tal-gwerra, fid-19 ta’ April, 1942, fl-agħar attakk tal-gwerra.
Safa ltim ta’ 16-il sena
Dakinhar, George kellu 18 u Gawdenz 16-il sena. Iżda sadattant, missierhom kien laħaq żera’ fihom il-prinċipji għall-bini tal-karattru tagħhom, tant li ħuh il-kbir spiċċa laħaq tabib u hu avukat.
Isemmi li kellu ħabib tiegħu, li darba għarrfu li kien hemm xbejba miż-Żejtun, li fis-sajf tmur għall-villeġġatura Birżebbuġa, li żgur tgħodd għalih. Allura beda jmur ifittex, sa ma sab li kienet Carmelina. U mill-ewwel laqtitu.
Lil zitu, Rosa Galdies, Superjura tal-MUSEUM, li kienet tieħu ħsiebu u ħsieb ħuh, ma kien qalilha b’xejn. Saret taf b’Carmelina min-nies u staqsietu għaliex ma sabx xi waħda mill-Belt jew minnTas-Sliema. Metambagħad saret taf li Carmelina kienet minntal-Qutu, li kienet familja sew u soda finanzjarjament, bdiet tgħidlu li anki mis-siġar tal-fjuri jaf joħroġ ix-xewk.
Missier Carmelina sar jaf bin-namrat ta’ bintu b’kumbinazzjoni. ġara li kien se jsir mass meeting fiż-Żejtun, li fih kien se jieħu sehem it-Tabib George Borg u Gawdenz tarrfilha minnqabel li kien se jgħaddi minnquddiemhom. Ommha daħħlet lil Gawdenz u lil ħuh fl-intrata waqt li Carmelina beżgħet li missierha Joseph jilħaq jasal mill-Marsa, fejn kien imur minħabba d-delizzju taż-żwiemel. U hekk ġara. Waslu ħdejn id-dar flimkien.
Twittija tat-triq tal-imħabba
Kienet ommha li salvat is-sitwazzjoni, għax qalet lil żewġha li xtaqet tlaqqgħu ma’ dak li kienet qaltlu li jiġi minnhom. U missierha kompla magħhom. F’dik l-istess laqgħa, George witta t-triq għal ħuh, għax qal lil Joseph, missier Carmelina, li Gawdenz xtaqha b’martu. Aktar tard, ħuh qallu li missier Carmelina kien wieħed mill-ftit irġiel ta’ karattru li kien fadlilna f’Malta.
Min-naħa taz-zija ta’ Gawdenz, din kienet mardet sew u fl-aħħar mumenti ta’ ħajjitha talbitu joħdilha lil Carmelina biex taraha. Metaratha, berkithom u xtaqitilhom futur sabiħ. Il-Maġistrat Borg jgħid li zitu tant kienet mara sew u devota, li wara l-ikel, qabel torqod, jiftakarha tinżel għarkupptejha mal-mejda tal-ikel, u tagħmel nofs siegħa taqra l-brevjar tal-qassisin.
Meta tgħarrsu, Gawdenz kien laħaq avukat. Berkilhom iċ-ċrieket Mons. Prof Salvatore Grima, ħu missierha, li aktar tard bena d-Dar tal-Kleru fi Fleur de Lys. Ir-riċeviment sar fid-dar tal-ġenituri tal-għarusa.
Minkejja li tgħarrsu u kellhom ukoll id-data tat-tieġ, l-għarajjes ma kinux jitħallew joħorġu weħidhom. Dejjem b’xi ħadd magħhom. U l-ħin tar-ritorn id-dar kien fiss ukoll.
Għerusija qasira
L-għerusija ma kinitx twila wisq. Sena u disa’ xhur biss, għax missier Carmelina tahom id-dar li għadhom jgħixu fiha u għammarhielhom b’kulma kien meħtieġ.
Iż-żmien gerbeb u ma damx ma wasal il-jum tat-22 ta’ Settembru, 1957, meta kellhom jiżżewġu. Huma xtaqu jiżżewġu fil-Lukanda Phoenicia, iżda s-sala t’isfel tal-ballu kienet diġà mikrija. Allura bbukkjaw dik tal-Lukanda Imperial, Tas-Sliema. Imma Angelo, iz-ziju ta’ Carmelina, li kien kuntrattur bħal missierha u kien bena ’l-Phoenicia, qal b’kollox lil Roger Strickland u dan qabel li jikrilhom fuq, fejn illum hemm il-main lounge, bil-kundizzjoni li ma jistidnux aktar minn500 ruħ u l-orkestra ma tagħmilx mużika qawwija.
B’hekk, l-għarajjes qablu li r-riċeviment isir fil-Phoenicia. Għalih kellhom 1,000 mistieden u l-orkestra użat is-silencers mal-istrumenti tagħha.
Il-quddiesa taż-żwieġ saret fil-parroċċa taż-Żejtun u qaddsilhom u tahom il-kunsens Mons, Salvatore Grima. Ix-xhud tal-Avukat Gawdenz kien l-Avukat Ġużè Pace, li Paceville issemma għalih u li miegħu l-avukat novell kien ipprattika fil-karriera tiegħu, u x-xhud ta’ Carmelina kien Chev. Angelo Grima, zijuha, li laħaq sar kavallier ta’ San Gregorio u Magno u għamlu l-Papa. Bħala bestman kellhom lill-Avukat Mario Felice.
Fost il-mistednin għat-tieġ min-naħa tal-Maġistrat Borg kien hemm ħbiebu tal-kors tal-liġi.
Carmelina tirrakkonta li d-drapp għal-libsa tat-tieġ kienet xtratha mingħand Camilleri tal-Belt u ħititielha Stella l-ħajjata, li kienet toqgħod fi Triq San Pawl il-Belt. Din Stella kienet il-ħajjata tal-familja tagħhom u damet taħdmilhom sa ma mietet.
Pjaneta fid-Dar tal-Kleru
Illum il-ġurnata, il-libsa tat-tieġ ta’ Carmelina tinsab fid-Dar tal-Kleru u nbidlet fi pjaneta, peress li kien hemm xi nies midħla ta’ zijuha l-Monsinjur u talbuhielha.
Wara t-tieġ, il-miżżewġin friski marru s-Seabank Hotel – waħda mill-ftit lukandi li kien hawn. Hemmhekk niżlu jgħumu u peress li l-Maġistrat ħa riħ, ma setgħux isiefru kif miftiehem. Dak iż-żmien, anki s-safar għal qamar il-għasel kien għadu fil-bidu tiegħu.
Peress li fl-istess perijodu Dr Gawdenz kien l-Avukat tal-linja British European Airways, li tathom is-safra bi prezz ridott, din ipposponitilhom il-vjaġġ. Imbagħad żaru Ruma, Nizza, Londra, Brussell u Amsterdam, fil-vjaġġ magħruf bħala the round trip tal-BEA, li dam xahar sħiħ.
Lura Maltal-koppja Borg bdiet taħseb għall-familja u xahar qabel għeluq l-ewwel sena kellha ’l-ewwel tarbija tagħha, Doriette, illum miżżewġa lit-Tabib Mario Rizzo Naudi li għandhom żewġt itfal – Karl u Julian, li huma fiżjoterapisti u players tal-waterpolo mal-Exiles. Wara, lill-koppja Borg, twelditilhom it-tieni tifla, Lucienne (personalità televiżiva), miżżewġa lin-neguzjant Christopher Selvagi u wkoll għandhom żewġt itfal – Lara, gradwata u taħdem ma’ Vodafone u Andrew, li hu yachtsman kwalifikat.
Il-Moviment ta’ Kana
Metal-Maġistrat kien għadu Avukat u kellu l-uffiċċju fi Triq Cospicua, f’Raħal ġdid, iltaqa’ ma’ Fr Charles Vella li kien għadu kif fetaħ il-Moviment ta’ Kana. Kienu jafu lil xulxin u kienu jaqblu wkoll mal-idea li l-familji setgħu ma jkollhomx numru kbir ta’ tfal. Il-Maġistrat semma li fil-Gudja kien jaf b’familji li kellhom 18 u 21 tifel u tifla. Dan il-fatt kien jitfa’ ’l-familja f’sofferenza finanzjarja u ma jħallix lill-ulied ikomplu l-istudju kemm jixtiequ u jgawdu ħajjithom.
Fr Charles għarrfu li kien ħa uffiċċju Raħal Ġdid u kien qed ifittex segretarja. Immedjatament, il-Maġistrat Gawdenz qallu li kellu segretarja għalih – martu Carmelina. Inkuraġġiha sa ma daħlet segretarja tal-fergħa ta’ Raħal Ġdid. Jumejn wara Monsinjur Salvatore Grima, mar għand il-Maġistrat u qallu joħroġ lil martu mill-Moviment, għax skont it-tagħlim ta’ dak iż-żmien, il-Moviment ta’ Kana seta’ jitqies bħala wieħed skandaluż.
Dan minħabba li kien jgħallem favur il-kontroll tat-twelid. Iżda Carmelina mhux talli baqgħet hemm talli llum hi Chairperson ta’ Raħal Ġdid. Bdiet bħala segretarja, saret chairperson tal-fund raising tal-Moviment-Viċi President tal-Moviment- fil-Kumitat tal-Mothers’ Day, fejn kienu jżuru wkoll l-isptarijiet, u issa qiegħda President fid-Dar ta’ Kana ta’ Raħal Ġdid. Tul dawn is-snin, fil-Moviment ta’ Kana ħadem ukoll żewġha.
Id-dixxiplina fiż-żgħażagħ tal-lum
Il-koppja Borg hi tal-fehma li llum id-dixxiplina naqset sew fost iż-żgħażagħ. Jemmnu li dari, l-awtorità kienet iġġorr aktar piż u kienet timponi ruħha. Per eżempju dari, jekk Imħallef isellimlek filgħodu, u int issellimlu, kien l-aktar li jista’ jkollu kuntatt mal-poplu. Kien iżomm il-prestiġju tiegħu. L-istess kienu jagħmlu l-Isqof u l-Prim Ministru u l-ġenituri. L-awtorità kienet awtorità kważi untouchable. Illum bil-maqlub. L-awtorità saret iktar demokratika u m’għadhiex rigoruża bħal fl-imgħoddi.
Terġa’ llum ħadd ma jista’ jimponi li l-ġenituri għandhom ikunu ibsin fid-deċiżjonijiet tagħhom bħalmakienu fi żmienhom missirijiethom u n-nanniet.
Il-Maġistrat Borg itenni li b’parir ta’ avukat lill-ġenituri tal-lum, hu jgħidilhom li lil uliedhom għandhom jistmawhom ta’ ħbieb u ma jimponulhomx. Fil-bżonn, jagħtuhom parir ta’ darba biss u jerħulhom, għax l-ulied huma rġiel u nisa bħalma huma l-istess ġenituri.
55 sena żwieġ
Bħala ringrazzjament għal għeluq il-50 sena żwieġ, il-koppja Borg kellha quddiesa fil-kappella tal-Madliena, fejn qaddsilhom Monsinjur Victor Grech, peress li Carmelina tagħmel xogħol ieħor volontarju mal-Caritas.
Għaliha reġa’ kellhom diversi mistednin, fosthom lill-familjari, lill-Presidenti Emeriti Ugo Mifsud Bonnici u lil Guido de Marco, lill-Arċisqof Mercieca u numru ta’ ħbieb. Għal din l-okkażjoni l-koppja ma riditx rigali, iżda talbet li jingħataw donazzjonijiet lill-Caritas.
Wara l-quddiesa, kellhom riċeviment fil-Villa ta’ binthom Lucienne u żewġha Christopher.
Messaġġ
Bħala messaġġ lill-koppji żgħażagħ, il-Maġistrat u martu jgħidu li dawn għandhom iħarsu lejn iż-żwieġ bħala Sagrament li ma jfittixx drittijiet u li jkunu paċenzjużi lejn xulxin. Iż-żwieġ hu responsabbiltà u min se jidħol għalih għandu jkun tassew responsabbli. Barra minhekk iż-żwieġ hu xi ħaġa naturali u sabiħ. Fih is-sagrifiċċji, iżda ħajja bla sagrifiċċji mhix ħajja. U l-isbaħ konsolazzjoni hi meta l-familja tkun miġbura u magħquda, kemm fil-ferħ, kif ukoll fin-niket.