
Sa ftit żmien ilu kien hawn min jgħid li l-bajd hu ħażin għas-saħħa. Issa reġa’ hawn min isostni li bajda iebsa ma tagħmel l-ebda deni u ma fihiex kolesterol. Allura jista’ jkun li dawn huma affarijiet tal-marketing?
Minn xi tiftix li għamilt sibt li fil-fatt hawn min hu tal-fehma li l-bacon fih ħafna valuri għas-saħħa. Pereżempju l-proteini li fih iżommulna l-livelli tal-enerġija fl-aqwa tagħhom mingħajr ma jħaxxnu wisq.
Studji li saru f’diversi universitajiet u ċentri mediċi wrew li meta dak li jkun jinkludi l-bacon b’mod naturali bħala parti mid-dieta tiegħu, ikun qed inaqqas il-pressjoni u l-livelli tad-dijabete, kif ukoll ibiegħed lilu nnifsu minn attakk tal-qalb jew puplesija.
Waqt li għal diversi snin inħarġu stejjer tal-waħx fuq il-bacon, instab li dan jagħtina ħafna proteini, jgħin lill-ġisem inaqqas il-piż u jżid il-metaboliżmu ta’ dak li jkun billi jibnilu muskoli aktar b’saħħithom mingħajr ma jħaxxinhom.
Attwalment il-bacon fih inqas xaħam, xaħam saturat u kolesterol minn ħafna qatgħat taċ-ċanga jew tat-tiġieġa. Waqt li xi ħut fih inqas xaħam u kolesterol mill-bacon, il-bacon fih aktar proteini u ma fihx veleni bħall-merkurju.
Il-bacon hu mimli b’nutrijent importanti magħruf bħala choline, li jgħin biex iżidilna l-intelliġenza u l-memorja, mit-twelid sax-xjuħija, u studji fl-universitajiet sabu li jgħin fil-ġlieda konta l-mard tal-Alzheimer u mard kroniku mentali.
Jingħad li l-bacon jipprovdilna 65% tal-vitamina B1, li hi d-doża ta’ Thiamin li għandna nieħdu kuljum; 47% Niacin (il-vitamina B3), 38% tal-vitamina B12; 36% taż-żingu; 24% tal-vitamina B6 li ninħtieġu; 22% tar-Riboflavin (il-vitamina B2); 22% tal-fosfru li għandna nieħdu; 10% tal-Pantothenate; 10% tal-manjeżja; u 9% tal-ħadid.
Barra minn hekk, il-proteini miksuba minnu huma l-iktar għoljin li nsibu f’kull laħam, ħut u tjur li jinstabu fid-dinja.