Il-Palazz Imperjali fiċ-Ċina

Charles B. Spiteri

BDL Books - Binjiet MeastużiBeijing, fiċ-Ċina, hi dominata mill-Palazz Imperjali enormi, li tlesta fl-1420. Peress li aktar minn 500 sena ilu, dan il-palazz kien bogħod ferm mill-pubbliku, iċ-Ċiniżi jirreferu għalih bħala l-Belt Miċħuda. Illum, dan il-palazz jinsab imniżżel fil-lista tal-UNESCO għall-bini meqjus bħala Wirt Dinji.

Mill-1420 sal-1644, il-Belt il-Miċħuda kienet is-sede tad-Dinastija Ming. F’April 1644, inħatfet mill-forzi ribelli mmexxija minn Li Zicheng, li pproklama lilu nnifsu Imperatur tad-Dinastija Shun. Iżda ma damx ma ħarab qabel ma l-armati tal-Ġeneral Wu Sangui tad-Dinastija Ming, ingħaqdu mal-forzi Manchu. Sa Ottubru, il-Manchus kisbu supremazija fin-naħa ta’ fuq taċ-Ċina. Saret ċerimonja fil-Belt il-Miċħuda biex tipproklama liċ-ċkejken Imperatur Shunzhi bħala mexxej taċ-Ċina kollha taħt id-Dinastija Qing. Il-mexxejja Qing bidlu l-ismijiet prinċipali biex aktar jenfasizzaw l-‘Armonija’ milli s-‘Supremazija’.

BDL Books - Binjiet MeastużiFl-1860, matul it-Tieni Gwerra Opium, il-forzi Anglo-Franċiżi ħadu l-kontroll tal-belt il-Miċħuda u okkupawha sa tmiem il-gwerra. Fl-1900, l-Imperatriċi Dowager Cixi ħarbet mill-Belt matul l-Irvell Boxer, u għal sena, il-belt sfat okkupata mill-forzi tal-qawwa li ħejjew it-trattat.

24 imperatur
Wara li kienet ir-residenza għal 24 imperatur – erbatax tad-Dinastija Ming u għaxra tad-Dinastija Qing – fl-1912, mal-abdikar ta’ Puyi, l-aħħar Imperatur taċ-Ċina, il-Belt il-Miċħuda waqfet milli tkun iċ-ċentru politiku. Bi ftehim mal-gvern ġdid tar-Repubblika taċ-Ċina, Puyi baqa’ jgħix fil-parti interna, waqt li dik ta’ barra ngħatat għall-użu pubbliku. Dan sa ma fl-1924 sar kolp u Puyi tneħħa minn hemm.

Fl-1933, wara l-invażjoni Ġappuniża fuq iċ-Ċina, ħafna teżori nazzjonali ttieħdu mill-Belt il-Miċħuda. Xi affarijiet mill-kollezzjoni ngħataw lura ma’ tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija, iżda oħrajn ittieħdu Taiwan bl-ordni ta’ Chiang Kai-shek.
Il-Palazz Imperjali jinsab fi Pjazza Tienanmen, li tkabbret fis-snin ħamsin biex tesa’ aktar minn miljun ruħ. Illum hi mimlija b’dehriet differenti mill-isbaħ u b’nies itajru t-tajr tal-karti u oħrajn jipprattikaw it-tai chi. L-istranjieri jkunu mgħarrfa minn qabel għall-kwantitajiet ta’ bejjiegħa tat-triq, li jippruvaw ibigħulhom ftit minn kollox.

Il-Belt il-Miċħuda hi l-aktar eżempju ta’ bini u kultura Ċiniża antiki priservati bl-aqwa mod. Kienet id-dar għal ħafna dinastiji Rjali taċ-Ċina bħad-Dinastija Ming u d-Dinastija Qing. Din il-belt tant kienet kbira u impressiva li ħafna imperaturi qatt ma ħarġu minnha.

Id-dħul fil-belt
Ħafna nies jidħlu fil-Belt il-Miċħuda (il-Grada tal-Paċi tas-Sema) minn ħdejn il-Pjazza Tienanmen. Hemmhekk hemm ritratt kbir ta’ Mao Zedong u fuq ix-xellug, kartellun bi kliem li jaqra Ħajja Twila lir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, waqt li fuq il-lemin hemm kartellun ieħor bil-kliem Ħa Tgħix fit-Tul l-Għaqda tal-Popli tad-Dinja.

It-tqassim bażiku tal-belt jaf il-bidu tiegħu fis-seklu 15, iżda ħafna bini li naraw illum, sar fis-seklu 19. Il-Palazz Imperjali oriġinali nbena minn 200,000 ħaddiem fi 17-il sena biss. Iżda tul is-sekli, il-kumpless inqered min-nar, terremoti u gwerra.

Il-Belt il-Miċħuda hi kumpless massiv ta’ bini u artefatti li jkopru 200 acre. Fiha hemm ukoll il-Mużew tal-Palazz. Għal kważi ħames sekli, serviet bħala d-dar tal-Imperatur u n-nies ta’ madwaru, kif ukoll bħala ċ-ċentru politiku u ċerimonjali tal-gvern Ċiniż.
Mibni bejn l-1406 u l-1420, il-kumpless għad fih 980 binja, bi 8,707 kmamar. Il-kumpless tal-palazz jixhed l-arkitettura tradizzjonali Ċiniża u influwenza l-iżviluppi kulutrali u arkitettoniċi fl-Asja tal-Lvant u postijiet oħra.

Il-Mużew tal-Palazz
Mill-1925, il-Belt il-Miċħuda waqgħet taħt il-ħarsien tal-Mużew tal-Palazz, li l-kollezzjonijiet estensivi li għandu huma artiġjanat u artefatti mid-dinastiji Ming u Qing. Biex sempliċiment wieħed jimxi mill-Grada tal-Paċi tas-Sema sal-bini ewlieni tal-Palazz Imperjali u jidħol sal-Grada tal-Ħila Divina fit-tarf l-ieħor, jieħu mill-inqas sagħtejn. Ma’ dawn wieħed irid iżid il-ħin li fih jieqaf biex jesplora l-istrutturi li hemm mat-triq.

Tradizzjonalment, il-Belt il-Miċħuda hi maqsuma f’żewġ partijiet. Il-parti ta’ barra tinkludi t-taqsimiet fin-naħa tan-Nofsinhar u kienet tintuża għal skopijiet ċerimonjali. Il-parti ta’ ġewwa (il-Palazz ta’ wara) jinkludi t-taqsimiet tat-Tramuntana, u kienet ir-residenza tal-Imperatur u l-familja tiegħu, kif ukoll għall-ħtiġiet ta’ kuljum tal-istat.

Fil-ħafna swali li hemm fil-palazz, wieħed isib it-tron Imperjali. Dan qiegħed fil-Palazz tal-Purità tas-Sema. Hawnhekk kienet is-sala tal-udjenzi tal-Imperatur. Fuq it-tron hemm kitba li tgħid ‘Ġustizzja u Unur’.

Kurżitajiet
Skond leġġenda antika, fil-Belt il-Miċħuda hemm 9,999 kamra, iżda dan irriżulta li mhux minnu. Minn stħarriġ li sar minn esperti storiċi hemm 8,707 kmamar, li jinkludu l-palazzi kollha, is-swali, l-istudji u l-padiljuni.

Id-draguni
Fis-Sala tal-Paċi Suprema hemm numru enormi ta’ ornamenti li juru draguni differenti. In-nies isostnu li tant hemm minnhom, li hu diffiċli ferm tgħoddhom. Madankollu, wara biċċa xogħol iebsa, l-esperti qalu li b’kollox hemm 13,844 dragun.

BDL Books - Binjiet Meastużi
Il-Belt il-Miċħuda kif tidher minn fuq l-għolja Jingshan fit-Tramuntana tal-pajjiż
BDL Books - Binjiet Meastużi
It-tron tad-Dragun tal-Imperatur taċ-Ċina fil-Belt il-Minsija
BDL Books - Binjiet Maestużi
It-Tempju tas-Sema
BDL Books - Binjiet Meastużi
It-tron fis-Sala tal-Ħarsien tal-Armonija
BDL Books - Binjiet Meastużi
Ħajt b’disa’ draguni fil-Belt il-Miċħuda, f’Beijing

 

 

 

 

 

 

BDL Books - Binjiet Meastużi
Id-dħul għall-Palazz Imperjali
BDL Books - Binjiet Meastużi
Uħud mid-draguni fil-Belt il-Miċħuda
BDL Books - Binjiet Meastużi
Kreaturi skolpiti fl-injam biex iħarsu lill-okkupanti tal-Palazz