Passiġġata li diġà għaqqdithom għal 55 sena

Charles B. Spiteri
alt

Minn Charles B. Spiteri

Is-sens ta’ dixxiplina kien qawwi…illum, l-ambjent li t-tfal telgħin fih, qed itellagħhom mod ieħor

Fis-26 ta’ Jannar li għadda Dominic u martu Antonia Micallef mir-Rabat, għalqu 56 sena miżżewġin. Mill-ħames ulied li kellhom, illum għandhom tlieta, għax Joe miet żgħir fl-età ta’ jumejn u t-tqala l-oħra kienet miscarriage. Huma nanniet ta’ ħamest itfal miż-żwieġ ta’ binthom il-kbira Carmen. It-tifel, Mario, sar Patri tas-Soċjetà Missjunarju ta’ San Pawl, fejn hu Vigarju tal-MSSP f’Ruma u t-tifla ż-żgħira hi Sor Emma, soru Agostinjana f’Londra.

Dominic u Antonia t-tnejn twiedu r-Rabat għalkemm għexu fi djar bogħod minn xulxin. Jiftakru li kienu ltaqgħu flimkien fl-1953, meta kienu joħorġu għall-passiġġati ta’ wara l-ikel fl-inħawi tas-Seminarju Tal-Virtu, meta kien għadu qed jinbena t-Training College. 

Dominic kellu 18-il sena u Antonia kienet ħames xhur akbar minnu. Kunjom xbubitha kien Borg.

In-namur fi żmienhom ma kien jixbah xejn lil tal-lum. Kienu jiltaqgħu darba fil-ġimgħa, ġeneralment bil-moħbi, iżda wara ċertu żmien qalu lill-ġenituri tagħhom. Omm Antonia, li kienet armla, ma oġġezzjonatx għall-pass ta’ bintha li tkellem lil Dominic bi ħsieb ta’ żwieġ, waqt li wara kollox, lanqas omm u missier Dominic ma ħassrulu. B’din il-barka u l-aċċettazzjoni tal-ġenituri, Dominic u Antonia saru għarajjes u baqgħu mexjin ’il quddiem.

Il-ħruġ tagħhom flimkien lanqas kien bħal tal-lum, joħorġu u jidħlu xħin ifettlilhom. U biex Antonia toħroġ ma’ Dominic kienet tkun trid tieħu lil oħtha magħha.

Il-ħarġiet b’oħt il-mara

Il-ħarġiet tagħhom kienu jkunu xi passiġġata nhar ta’ Ħadd, fil-kampanja. Barra ma kinux idumu wisq. Fis-7.00 p.m. jirritornaw id-dar. Kienu jitħallew ftit aktar meta kien ikollhom xi okkażjoni.

Il-ħidma ta’ Dominic, li kien wieħed minn għaxart itfal, li erbgħa minnhom mietu, minn dejjem kienet dik ta’ stampatur, waqt li Antonia, kienet taħdem bħala nissieġa ma’ ta’ Strickland, fi żmien Mrs de Trafford. Antonia bdiet taħdem minn eta’ żgħira biex tgħin lil ommha li kellha sebat itfal u romlot aktar qabel. Missierha miet bil-gwerra, meta hi kellha sitt snin u nofs. Hi kienet ir-raba’ wild tal-familja Borg.

Damu għarajjes sentejn, u għalkemm f’dawk is-snin, kienet problema kbira biex issib fejn tmur toqgħod. F’Malta kien għad hawn skarsezza kbira ta’ djar. Tant, li għall-ewwel sentejn tal-ħajja miżżewġa tagħhom, kellhom imorru joqogħdu l-Isla, għax hemm biss sabu fejn jikru.

It-tieġ tal-koppja Micallef ma kienx wieħed kbir. Kien tieġ bejn familjari u xi ħbieb. Iżżewġu fil-parroċċa San Pawl u l-festin għamluh fil-każin ta’ fuq il-Count Roger Band Club, għax ma kienx hawn swali.

Dominic jiftakar sew li dak iż-żmien ma kienx isir quddies fil-għaxija, għax dan daħal minn wara l-Konċilju. Għalhekk huma żżewġu filgħaxija, fil-Parroċċa San Pawl fejn għamlu r-rit taż-żwieġ u l-għada kellhom il-quddiesa fil-knisja ta’ San Duminku, fil-Grotta tal-Madonna tal-Għar. Kemm hu kif ukoll martu rrakkuntaw li r-riċeviment tat-tieġ kien sar filgħaxija stess, wara li għamlu r-rit taż-żwieġ.

Id-dehra tal-fotografu jiġri fis-sala biex jiġbed ir-ritratti kienet għadha xi ħaġa tal-futur. Biex ikollok ritratti tal-festin, ried ikollok lil xi ħadd tal-familja li jkollu camera tar-ritratti. U għar-ritratt jew tnejn tat-tieġ, il-koppja kien ikollha tmur fi studio. Huma għażlu lill-Express Studio ta’ Raħal Ġdid.

Allura biex jinġibdilhom ir-ritratt kienu jaqbdu karrozza mikrija u jmorru fl-istudio waqt li l-mistednin ikunu fis-sala għaddejjin bir-riċeviment. Ir-ritratti kienu black and white u l-kulur kien isir bl-idejn.

In-nuqqas tal-missier

altDakinhar tat-tieġ Antonia ħasset ħafna n-nuqqas ta’ missierha. Sa fuq l-artal wassalha ħuha l-kbir. Iżda mbagħad kollox mar sewwa.

Bi tbissima fuq fommha, Antonia rrakkuntatli li dak il-lejl tat-tieġ, hi u żewġha ma raqdux flimkien. Ir-raġuni għal dan kienet minħabba li kienu għadhom ma ċċelebrawx il-quddiesa flimkien. Għalhekk, biex jibdew il-ħajja miżżewġa, marru fid-dar il-ġdida tagħhom fl-Isla l-għada.

Illum, meta jsemmu dan l-aneddotu, in-neputijiet jidħqu bihom, iżda dak iż-żmien, id-drawwa hekk kienet. Il-ħajja bogħod mil-lokal fejn tkun twelidt, kienet diffiċli, kemm għal Dominic u wkoll għal martu Antonia, u biex jaraw lil tal-familja, kienu jitilgħu r-Rabat darba fil-ġimgħa.

Hekk kif iżżewġet, Antonia waqfet mix-xogħol. Setgħet kompliet kieku riedet, iżda żewġha kien tal-fehma li l-ewwel li kellha tiġi fil-ħajja ġdida tagħhom, kienet il-familja.

Wara sena u tliet xhur miż-żwieġ kellhom l-ewwel tarbija tagħhom. Illum il-ġurnata, Carmen, il-kbira, hi miżżewġa u għandha ħamest itfal. Il-kbira daħlitilha soru, tnejn oħra; wieħed bil-girlfriend u l-oħra bil-boyfriend u l-aħħar tnejn għadhom żgħar.

Bħala koppja miżżewġa, Dominic u Antonia dejjem rabbew lil uliedhom fil-biża’ ta’ Alla. Quddiesa u rużarju ma naqsu qatt. Nhar ta’ Ħadd, kienet drawwa tal-familja, li għall-quddiesa jmorru flimkien. Kienu jmorru l-Katidral, l-Imdina.

Iżda meta t-tfal tagħhom tfarfru, min kien ikollu s-servizz tal-qari jew tad-daqq u għalhekk kulħadd beda jattendi għal rasu.

Differenza fit-trobbija

Għal Antonia, id-differenza fit-trobbija bejn il-bieraħ u llum hi kbira mmens. Kultant issostni li ‘allaħares qed trabbi llum.’ Dan għax dari l-ulied kienu jobdu, għalkemm kienu mqarbin ukoll. Is-sens ta’ dixxiplina kien jinħass. Mhux għax illum il-ġenituri ma jagħmlux li jistgħu b’riżq it-trobbija tajba għal uliedhom , iżda l-koppja Micallef temmen li l-ambjent li t-tfal tal-lum telgħin fih, iġegħilhom jirreaġixxu mod ieħor. Per eżempju dari ma kienx ikun hemm dewmien barra mid-dar, iżda t-tfal tal-lum joħorġu fil-ħin, li dari, il-ġenituri tagħhom kien jidħlu lura mill-ħruġ tagħhom. Għalihom din hi ħaġa normali u ma jagħmluhx b’ħażen. Lanqas hemm età stabbilita għal meta t-tfal joħorġu mid-dar u jdumu barra sa tard bil-lejl.

Dominic jirrakkonta li sa ftit qabel ma ltaqa’ ma’ Antonia, il-logħob tagħhom kien ikun mat-tfal tal-ġirien, fit-triq tagħhom stess. Illum, il-logħob inqata’ u l-ħruġ sploda għall-etajiet kollha.

Antonia hi tal-fehma li r-rabta qawwija li għadha teżisti bejnha u bejn żewġha hi riżultat tat-talb, waqt li dik mat-tfal kienet tinqasam ukoll fil-logħob. Tistqarr li meta żewġha kien jirritorna mix-xogħol, fejn kien impjegat ma’ Chritien, kien ikompli jaħdem xi xogħol id-dar, iżda dejjem jagħmel mill-inqas siegħa logħob mat-tfal qabel jorqdu.

Dan ma jfissirx li ma kellhomx intoppi bħala koppja, għax l-inkwiet jinbet minn kullimkien, iżda jekk ikollok formazzjoni tajba, jirnexxilek tirbħu.

Hawn semmiet il-mewt li ġarrbu fi tnejn mill-ulied li kellhom, fejn għadha tħoss għafsa ta’ qalb għall-fatt li lanqas ritratt m’għandha tat-tarbija ż-żgħira li kellha. Dak iż-żmien ma kienx bħal-lum, fejn appena l-omm twelled, jitħalla jidħol fotografu jew il-missier stess, u jiġbdu ritratt lit-tarbija. B’dispjaċir iħossu li ma għandhomx, imqar ritratt tiegħu, iżda jħossuh magħhom waqt li jitolbuh.

Talb fil-familji

Il-koppja Micallef temmen li d-drawwa tat-talb fil-familji tidher li qed tonqos, forsi għax il-ħajja saret aktar mgħaġġla u materjali. Tħoss ukoll li t-tfal – u dan tarah min-neputijiet tagħha stess, saru jridu jgħaġġlu l-ħajja. Meta jmorru għand in-nannu u n-nanna, dawn jistaqsuhom ikunux qalu r-rużarju u meta t-tweġiba tkun fin-negattiv, jgħiduh magħhom. Iżda jgorru xi ftit ghax jgħidu li n-nanniet idumu.

altGħar-rigward tal-ġlied bejn il-koppji tal-lum, Dominic jemmen li dan hu kaġun tan-nuqqas ta’ paċenzja li teżisti, fejn parti ma tittollerax lill-oħra. Ħadd mill-partijiet ma jrid jagħmel sagrifiċċji u dak li jridu jriduh malajr.

Antonia taqbel ferm ma’ żewġha u żżid li meta t-tfal kienu għadhom ċkejknin, biex setgħu jagħmlu kapriċċ, Dominic kien imur idoqq mal-Banda. ġieli dam sas-sagħtejn ta’ filgħodu u hi kienet tibqa’ d-dar bit-tfal u tistennieh imqajma sa ma jirritorna. Dan għaliha kien sagrifiċċju kbir, iżda kulħadd irid ikun imħejji jagħmlu, jekk wara u fil-futur ikun irid ftit tgawdija. Saħqet li għall-imħabba, irid ikun hemm it-tbatija. Imħabba bla tbatija, mhix imħabba.

Finalment, il-koppja Micallef temmen li llum il-libertà tat-tfal żdiedet immens u din qed tissarrfilhom ħażin ’il quddiem f’ħajjithom, meta jaraw li r-rabta taż-żwieġ ‘toħnoqhom’ xi ftit.

Bħala messaġġ lill-koppji żgħażagħ, Antonia tistedinhom jitolbu flimkien, jagħrfu lil Alla, jieħdu paċenzja b’xulxin u jindukraw sew lil uliedhom. Hi tal-fehma li l-ġenituri m’għandhom qatt jheddu lil uliedhom li jkeċċuhom mid-dar. Anzi, meta jkunu se joħorġu mqar għall-iskola, jħajruhom jgħidu Ave Marija lill-Madonna biex tieqaf magħhom għal dak il-jum.

Vista lil Ġesù

altMin-naħa tiegħu Dominic iħeġġeġ lit-tfal japprezzaw u jistudjaw il-fehma tal-ġenituri, qabel ma jopponuha, għax dak li jgħidulhom il-ġenituri, minkejja l-mentalità differenti, hu żgur għall-ġid tagħhom. Jekk it-tfal jidraw jagħmlu hekk, isibu li meta jiżżewġu, jkunu kapaċi jifhmu aħjar lil marthom jew lil żwieġhom. Jemmen ukoll li tkun ħaġa tajba jekk meta l-koppja toħroġ flimkien, u tgħaddi minn quddiem knisja jew kappella, tidħol tagħmel vista ta’ ħames minuti lil Ġesù Sagramentat. Jaf li ħafna, inklużi qarrejja, jistgħu jiddieħqu bih, iżda kif qal hu – jekk xi ħadd mill-koppja tiltaqa’ ma’ xi habib fit-triq, xorta tieqaf u tkellmu għal mill-inqas ħames minuti. Allura Alla ma ħaqqux ftit ħsieb? !
Meta Dominic u Antonia għalqu 50 sena miżżewġin, iċċelebraw b’mod familjari quddiesa ta’ radd il-ħajr lil Alla, li għaliha ġew minn barra t-tifel il-Patri, li qaddsilhom u binthom is-Soru. Wara marru għal ikla fil-Point de View, ir-Rabat.