Ġojjelli milbusa min-nies irjali u leġġendi ta’ Hollywood, kienu esibiti fl-ikbar esibizzjoni li qatt organizza Cartier.

Fost l-esibiti kien hemm iċ-ċurkett tal-għerusija ta’ Grace Kelly u oġġetti kkummissjonati u milbusa mid-Dukessa ta’ Windsor. Dawn kienu għall-wiri fil-Grand Palais, f’Pariġi mill-4 ta’ Diċembru, biex tkun ċelebrata l-arti u l-istorja tal-ġojjelliera ikoniċi.
Fost id-djamanti kien hemm ukoll dawk milbusa minn Elizabeth Taylor.
Iċ-ċurkett tal-għerusija ta’ Grace Kelly hu emerald ta’ 10.47 carat, mogħti lilha mill-Prinċep Rainier ta’ Monaco. Hi tidher bih fil-film High Society.
Tad-Dukessa ta’ Windsor kien hemm il-labra tal-fjamming, disinjata minn Jeanne Toussaint, li saret mill-platinum, brillanti, djamanti, emeraldi, żafiri, u ċitrin. Id-Dukessa dehret liebsa din il-labra fl-1940. Kien hemm ukoll għall-wiri d-disinn oriġinali ta’ Toussaint li sar għal din il-labra.
Jeanne Toussaint kienet saret direttriċi tad-dipartiment tal-ġojjellerija ta’ Cartier fl-1933.
‘La Peregrina’ ta’ Elizabeth Taylor kienet rigal mogħti lilha minn Richard Burton, u li Cartier dawruha f’ġiżirana. L-attriċi tidher liebsa din il-ġiżirana li fiha perla li tmur lura għas-seklu 16, u li darba kienet tar-Reġina Mary Tudor.
Tal-attriċi Gloria Swanson kien hemm brazzuletta tal-1930, ikkummisjonata lil Cartier u magħmula mid-djamanti, platinum u rock crystal. Hi libsitha fiż-żwieġ tagħha lill-Franċiż Michael Farmer. Tidher biha fil-films Perfect Understanding u Sunset Boulevard.
Dawn kienu biss ftit mill-ħafna ġojjellerija li kien hemm għall-wiri. Fil-fatt, b’kollox kien hemm 600 oġġett.