Hawn min kelma jobżoqha u wara jgħid x’għamilt b’ilsieni: qed ngħix f’dinja fejn mhux kulħadd iħobbok anzi jobogħdok. Dan ngħidu għax narah b’għajnejja. Għalhekk qabel titkellem staqsi; tibda ħidma jew negozju trid tieqaf, tħares, taħseb u tistaqsi bejnek u bejn ruħek: dawn iriduli l-ġid, jixtiquni nirnexxi, lesti jgħinuni jew ninsab waħdi? Kif twieġeb għal dawn il-mistoqsijiet tista’ tibda x-xogħol.
Ħafna bdew bla ma ħasbu, jew daħlu fi sħab bla ħsieb, jew fetħu għommiethom ma min xtaqilhom id-deni u ntebħu tard.
Int ġralek xi ħaġa tixxiebah? Xħin tħares lejn l-imgħoddi tinqaras għax xi ħadd qliek? Kemm tieqaf illum u terġa’ tieqaf għax …
Meta tieqaf tiffranka l-ħin, il-ħela tal-ħin, l-uġigħ; id-dubju, għadab u dwejjaq. Twettaq inqas u aħjar jigħidulha ħajja bil-għaqal jew bil-qies.
Ħares madwarek u ara kemm nies ingidmu, tgerrbu, weġġgħu, indarbu għax ġrew flok imxew għax iddeffsu flok daħlu għax middew riġlejhom barra l-friex.
Taħseb kemm taħseb, tieqaf kemm tieqaf, dejjem se titgerbeb xi waħda imma għallinqas kont meqjus u bil-galbu, tħares il quddiem u terġa’ tibda.
Tieqaf ma jfissirx li teħel u ma tagħmel xejn jew ma tissugrax. Tieqaf ifisser li taf bla xogħfa li fil-baħar hemm il-klieb il-baħar u dawn lesti għalik; tħallihomx jikluk bla bżonn; ieqaf.