
Xħin il-mamà u n-nanna raw dik is-suffara safra f’id Donna, wissewha biex ma tmurx issaffarha fejn in-nannu li kien rieqed raqda tajba billi kellu wġigħ ta’ ras taqsam u bela’ żewġ asperini. Ma riduhiex tagħmel l-iċken ħoss ma jmurx iqum u terġa’ tibda tuġgħu rasu. Donna taparsi xtaqet tobdihom, bħas-soltu, imma ma tantx kienet taf iżżomm il-wegħda tagħha.
Kif sabet ruħha waħidha, daħlet baxx baxx fuq pont subgħajha fil-kamra tas-sodda fejn kien hemm in-nannu rieqed wiċċu ‘l fuq qisu Bambin. Marret fejnu, poġġiet is-suffara f’ħalqha u bdiet issaffar b’kemm kellha saħħa.
In-nannu qam maħsud u qabad jogħrok ras u jgħajjat: “Ajma rasi! Ajma x’uġigħ għandi!” Donna nfaqgħet tidħak għax kienet qajmitu minn dik ir-raqda. In-nannu baqa’ jgħajjat waħda f’waħda sakemm semgħuh il-mama` u n-nanna u telqu jiġru ħdejh. Sabu lil Donna bis-suffara f’ħalqha u b’wiċċha aħmar nar bid-daħk u lin-nannu jitkerrah u jokrob bl-uġigħ. Tant għamlu għal Donna bl-ikrah li marret torqod kmieni għax għamlet il-buri u ħbiet is-suffara taħt l-imħadda ħalli ma jeħodhielha ħadd. In-nannu kellu jieħu żewġ asperini oħra biex reġa’ raqad fil-fond.
Għadda l-ħin u n-nanna u l-mamà kienu qegħdin jaraw ftit televixin qabel jidħlu jorqdu. Biex żgur ma jagħmlux storbju minħabba n-nannu, ħallew il-volum tat-televixin baxx u lanqas qalu kelma li hi kelma bejniethom. F’salt wieħed kienu għoddhom qabżu pied minn fuq is-sufan meta semgħu tisfira qawwija daqs tar-referee waqt logħba futbol.
Mill-ewwel ħasbu ħażin f’dik ix-xifajk ta’ Donna u kellhom raġun. Ftit wara, marru jaraw minn fejn kien ġej dak it-tisfir u sabuha fil-kuritur bis-suffara f’ħalqha wara l-bieb tal-kamra tas-sodda tan-nanniet. Il-mamà dlonk ħatfitilha s-suffara qabel ma terġa’ ssaffar xi tisfira oħra u tisfratta lin-nannu mir-raqda. Baqgħet sejra tarmihielha fil-ġardina ħalli żgur ma ssibhiex. Donna tgħidx kemm bkiet għax ma kellhiex oħra ħliefha. Imma li ġara kien kollha ħtija tagħha għax hi kienet ħsiebha biss fiex toqgħod tinbex lin-nannu.