Il-Qattusa Bebbuxija kienet se ssir omm għall-ewwel darba. Kienet qegħda tipprova ssib post tajjeb fejn tqiegħed iż-żgħar meta jitwieldu. Bdiet iddur u tfittex ma’ kullimkien. Rat postijiet differenti, taħt siġra, f’rokna tal-ġnien, ħdejn il-ħajt imma xejn ma beda joġogħbha! Telgħet bilqiegħda fuq iċ-ċint tal-ġnien ħalli tkun tista’ tara aħjar. Bdiet tħares u tħares sakemm fl-aħħar rat post li għoġobha. Reġgħet niżlet fil-ġnien ħalli taraħ sew. Kien post taħt xitla b’weraq kbar li kienu jagħmlu d-dell u kien jidher li kien post kenni.
L-għada twieldu ż-żgħar! Kienu erbat ifrieħ ħelwin ħelwin daqs naqra! Ġabrithom taħtha biex jibqgħu sħan. Għaddiet ġimgħa bil-frieħ jixorbu l-ħalib t’ommhom u bdew jikbru ġmielhom! Kienu kuluri differenti, wieħed kien bebbuxi bħal ommu, ieħor kien iswed, wieħed griż u wieħed abjad. Ġurnata minnhom għamlet ħalba xita imma l-weraq kbir kien qisu umbrella u l-frieħ ma xxarbux.
Għal bidu Bebbuxija kienet tkun kważi l-ħin kollu magħhom, kemm tmur issib xi ħaġa tal-ikel bil-lejl u terġa tiġi tiġri. Imma Issa li kienu kibru ħasbet li jekk tmur malajr matul il-ġurnata ma kien se jiġrilhom xejn. Ġurnata waħda xħin rathom reqdin telqet inkiss inkiss biex issib x’tiekol. Wara ftit il-frieħ qamu u xħin ma sabux lil ommhom hemm bdew inewħu u t-tifla li kienet toqgħod f’dik id-dar bil-ġnien fejn kienu qegħdin, semgħathom. Bdiet tfittex ħalli tara mnejn kien ġej it-tnewwiħ u fl-aħħar sabithom taħt il-weraq. Kemm kienu ħelwin!
Telqet tiġri tgħajjat “Ma, Ma ejja ħalli tara x’hawn! Sibt erbat ifrieħ tal-qtates! Irrid nerfa wieħed minnhom!”
“Le, le ara tmisshom għax ommhom tirrabja ħafna għax taħseb li se toħodhomla!” qaltilha omma imma t-tifla qabdet il-ferħ abjad u qadet tgħanqu magħha. Miskin l-ferħ tgħidx kemm beda jnewwaħ bil-biża u beda jgħajjat lil ommu. F’daqqa waħda it-tifla rat lil qattusa Bebbuxija ġejja tiġri rrabjata għaliha. Poġġiet il-ferħ f’postu u telqet tiġri mbeżżgħa l-ġewwa. Il-Bebbuxija bdiet tibża li se teħodhomla u bil-lejl ġarrithom għal ġo ġnien ieħor vicin. Sabet banju ħażin maqlub u daħlithom taħtu fejn ma jarahom ħadd u xħin l-għada t-tifla marret tittawlilhom ma sabithomx.