Minn żifna għat-twassil sad-dar u bidu għall-għerusija

Charles B. Spiteri

altMinn Charles B. Spiteri

George u Marija huma t-tnejn mill-Furjana u għalkemm ma kinux jafu lil xulxin mill-bidu, il-familja Lewis kienet taf sew lill-familja Bugeja u viċi versa. Ta’ sbatax-il sena u nofs, George daħal jaħdem bħala emergency teacher mal-Gvern, u darba kien mistieden għal dance organizzat mill-għalliema. Ħafna drabi ż-żfin kien ikun organizzat fl-iskola Primarja tal-Furjana.

Joe, ħu Marija inzerta kien għalliem ukoll, u meta mar mal-għarusa tiegħu Candida, ħa miegħu lil oħtu Marija. Ħarsa minn hemm u oħra minn hawn, George ra lil Marija u talabha tiżfen miegħu. Hi aċċettat. Ħadu grazzja ma’ xulxin u komplew jiżfnu.

Ħin bla waqt, Candida ħassitha mhix f’sikitha u Joe talab lil George jagħmillu pjaċir biex aktar tard iwassal lil oħtu d-dar. Għalhekk George kellu l-ħin jistaqsiha kinitx taħdem, u meta waslu ħdejn id-dar tagħha, ried ikun jaf jerġgħux jiltaqgħu. Dak il-ħin la qaltlu iva u lanqas le. Iżda peress li semmietlu l-post fejn kienet taħdem, beda jmur ħdejn ix-xogħol tagħha.
Marija tirrakkonta li darba kien hemm ġugarell forma ta’ rocket u George qalilha- ‘‘Tiġi miegħi fil-qamar’’

Rakkomandazzjoni

Dari n-nies kienu aktar moħħhom f’xuxlin u mara mill-inħawi staqsiet lil omm Marija jekk bintha kinitx daħlet għarusa għand ta’ Lewis, għax kienet ratha ma’ George. Iżda kien daħal ħu Marija fin-nofs u qalilha li dak kien il-ħabib tiegħu. Bi tbissima, George jgħid li Joe kien għamillu rakkomandazzjoni!

Għalkemm ommha u missierha kienu nies ta’ dixxiplina kbira, ma ħaduhiex kontra binthom, l-aktar għax kienu jafu x’nies huma l-familja Lewis. Terġa’ Maria Stella, iz-zija ta’ George, kienet tgħallem id-duttrina lill-bniet tal-lokal, fosthom lil Marija.
George hu t-tieni wild minn sitta, waqt li Marija hi s-sitt waħda mid-disat itfal tal-familja Bugeja. George hu ikbar minn Marija bi tliet xhur biss. Mill-ewwel kienu aċċettati mill-familji rispettivi, għax kienu jafu sew li huma żewġ familji magħqudin. Bħala familji kienu jiltaqgħu f’xi okkażjoni u mhux li jmorru għand xulxin. Darba, iz-zija ta’ George iltaqgħet ma’ Marija u lin-neputi tagħha qaltlu- ‘‘tfajla bħalha, ibża’ għaliha u titlaqhiex.’’
Damu għarajjes ħames snin u l-aktar li kienu jiltaqgħu għal ftit ħin, xi jumejn u l-aktar tlieta fil-ġimgħa, peress li ta’ 19-il sena, George daħal il-Kulleġġ San Mikiel, jistudja għal għalliem regolari. Dak iż-żmien, l-istudenti kienu jorqdu l-Kulleġġ u joħorġu biss għal ftit sigħat nhar ta’ Erbgħa. L-irqad fid-dar tal-ġenituri kien ikun biss is-Sibt u l-Ħadd.

Ma toħroġx weħidha

Id-dixxiplina u r-rettezza ta’ dari kienet ħaġa tal-għaġeb, tant li Marija u George jirrakkuntaw bi tbissima fatt li llum lanqas jitwemmen. Mela, kien ġie għal vaganza hu Marija minn barra, flimkien ma’ martu, u lejla waħda stieden lil Marija biex tmur magħhom tara filmat, peress li George kien ma’ familtu San Pawl il-Baħar. Meta missierha raha mbiddla, staqsieha fejn kienet sejra u xħin qaltlu li kienet ħierġa ma’ ħuha u l-mara tiegħu, qalilha ma tmur xejn. Mhux biss, talli llitika ftit ma’ ħuha għax qallu li Marija kienet għarusa u ma kellhiex toħroġ weħidha. Naturalment, ħuha ħa għalih.

George jirrakkonta wkoll il-ħajja matul is-sentejn li għamel il-Kulleġġ. Kien ikollu Lm18 kull tliet xhur, meta kien diġa’ dieħel fl-20 sena tiegħu…u għarus! Iżda qatt ma talab flus lil missieru. Dejjem qadef għal rasu għax kien jistħi u biex mill-Belt imur San Pawl jitħarreġ fil-water polo kien jara kif iqanċaq. U dan meta n-nol tal-karrozzi tal-linja kien ta’ tliet soldi.

Hawnhekk semma li anki l-istess sagrifiċċji ta’ dari kienu jiddixxiplinaw lit-tfal. Hu tal-fehma li llum morna lura f’kollox, inkluż fl-edukazzjoni. Illum kulħadd ifittex id-drittijiet u allura lanqas id-dixxiplina ma baqa’ postha.
Iżda ż-żmien baqa’ għaddej u George u Marija waslu għall-għerusija. Bħala għarajjes kienu jmorru ta’ spiss il-knisja tal-Kapuċċini u jqerru għand Patri Beneditt. Għalhekk kien xieraq li għat-tberik taċ-ċrieket, talbu lilu. L-okkażjoni kienet ċelebrata b’festin fid-dar ta’ Marija.

Għajnuna lil Kana

Dak iż-żmien kien għadu kif beda l-Moviment ta’ Kana u l-fundatur, Dun Charles Vella talab lil George u lil Marija biex jgħinuh. Huma kellhom sehem attiv fit-tmexxija tiegħu u George kien magħżul kemm bħala Chairman tal-Pre Kana, kif ukoll kien fl-Eżekuttiv.
Marija tgħid li ġieli kien hemm ġranet fejn kienu jdumu xi ftit l-Istitut Kattoliku, u missierha u ommha kienu jgorru, iżda meta ssemmilhom lil Dun Charles, kollox kien jikkalma.
Terġa’ dak iż-żmien kienu bdew iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ San Pawl tal-1960. Dun Charles kien wieħed mill-organizzaturi ewlenin u George kien miegħu f’kollox. Jiftakar li kienu ċelebrazzjonijiet tremendi- Fuq il-Gżejjer, fuq il-Fosos tal-Furjana…Kardinali fostna…

Żwieġ uniku

altKienu għadhom fil-Moviment ta’ Kana meta wasal il-jum taż-żwieġ tagħhom. Kien il-Ħadd 28 ta’ Mejju, 1961. Peress li dak ix-xahar kien se jiġi fi tmiemu l-kors tal-għarajjes, Dun Charles ħajjarhom jiżżewġu fil-Kappella tal-Istitut Kattoliku, fejn illum hemm il-booking office. Dan biex l-għarajjes li attendew il-kors, itemmuh bil-quddiesa tagħhom. George u Marija qablu u kienu l-uniċi tnejn min-nies li żżewġu hemm.

Intramaw is-siġġijiet fl-entratura tal-Istitut u t-tieġ tagħhom kienet okkażjoni partikulari, fejn il-mistednin ta’ George u Marija u l-koppji għarajjes li attendew il-kors ta’ Kana, tħalltu flimkien għall-quddiesa.

Wara t-tieġ, il-miżżewġin friski ħadu drink mal-għarajjes ħbiebhom fil-bottegin tal-Istitut Kattoliku u wara marru għal festin familjari.
Il-qamar il-għasel tagħhom kien se jkun fid-dar il-ġdida tagħhom u dan biex jibżgħu għall-flus li kellhom. Iżda Dun Charles, li dak iż-żmien, il-familja tiegħu kellha l-Meadowbank Hotel, f’Tas-Sliema, tahom sorpriża billi bagħathom għal erbat ijiem bla ħlas hemmhekk.

Mill-Furjana għall-Fgura

Għar-rigward tad-dar fejn kellhom jibdew jgħixu, il-koppja Lewis tgħid li ma kinitx ħaġa faċli ssib akkomodazzjoni. Iżda darba, missieru qallu li kien hemm wieħed li kelu xi postijiet il-Fgura. George jistqarr li lanqas kien jaf fejn kienet il-Fgura, iżda qabel ma’ missieru li jmorru jarawhom.
Kienu postijiet bil-pilot scheme. Tħallas somma bil-quddiem u l-kumplament fi żmien 25 sena. Kemm George kif ukoll martu Marija ma kellhomx alternattiva, għax wara kollox, il-post għoġobhom. Għalhekk qatgħuha li jixtruh, l-aktar ukoll għax kienu ilhom ħames snin jistennew.
Marija waqfet mix-xogħol maż-żwieġ, iżda l-għaqal tagħha fejn jidħol tisjir, xiri u ħjata, għenithom iħallsu l-post qabel iż-żmien. George ukoll kien imidd idejh f’ħafna mix-xogħol tad-dar u allura s-sold kienu jibżgħu għalih.
Marija tgħid li ħafna kienu jiskantaw bihom li marru jgħixu l-Fgura, għax kien għadu lokal mhux żviluppat, tant li damu żmien twil bla dawl fit-triq u bla ilma fid-dar. Għall-ilma kienu jridu jterrqu tliet kantunieri u jġorruh fil-bramel, kemm għall-ikel u l-ħasil kollu meħtieġ. It-toroq kienu għadhom imħarbtin u bil-baqar warajhom. Iżda kien ambjent li lil George u Marija għoġobhom, għax ma kienx wieħed tas-soltu.
Eżatt fl-ewwel anniversarju taż-żwieġ tagħhom (l-aħħar Ħadd ta’ Mejju), twelditilhom l-ewwel minn tlett itfal bniet- Marika, Roberta u Catriona. It-tifla ż-żgħira twieldet 14-il sena wara Roberta.

Magħmudija f’Betlem

Minn żmien qabel ma twieldet Catriona, George kien jitla’ spiss Israel – l-ewwel għal studju u wara bħala tour leader. Għalhekk wettaq xewqa kbira billi lil Catriona għammduha f’Betlem, meta kellha sitt xhur. Illum, George u Marija huma nanniet ta’ erba’ neputijiet, tnejn Malta u tnejn fl-Amerika.

Meta jħarsu lura lejn it-tibdil tal-valuri Nsara Marija tgħid li flimkien ma’ ħutha kienet tattendi l-quddiesa ta’ kuljum – mhux bilfors, iżda bi drawwa. Missierha u ommha jmorru għal tal-5.00 a.m u huma kienu jattendu tas-6.30a.m jew tas-6.45a.m. qabel ma jmorru l-iskola. Anki r-rużarju kien jingħad kuljum bejn il-familja kollha.

Min-naħa tiegħu ħajjet George ma kinitx l-istess. Bħala tifel, mill-Furjana marru joqogħdu San Pawl il-Baħar, qrib il-parroċċa, għax kienu evakwati fil-gwerra minħabba li waqgħetilhom id-dar. U f’San Pawl ma kienx hemm wisq x’tagħmel. It-tfal, l-aktar subien kienu jilagħbu fil-kunvent u jiġri mal-Patrijiet Franġiskani. Filgħaxijiet ma kienx isir quddies, iżda jingħad ir-Rużarju u t-tfal jgħiduh magħhom. Hekk għaddiet tfulitu, u dawk id-drawwiet baqgħu fih.

Għar-rigward taż-żwieġ ta’ llum, il-koppja Lewis tisħaq li għandu jkun hemm preparazzjoni aktar qawwija, għax iż-żwieġ mhux logħba. Lanqas trid tibqa’ l-mentalita’ li ‘‘niżżewġu u meta ma naqblux, nitilqu lil xulxin’’. George jemmen li jekk iż-żwieġ jinbena fuq din il-premessa, jitkisser kollox għax ma jkunx hemm il-ġebla tax-xewka.
Anzi, George ikompli jgħid li ż-żwieġ għandu jittieħed bħala sagrifiċċju. Meta jkollok it-tfal żgħar mod, meta jikbru mod ieħor u meta jiżżewġu, mod ieħor. U jekk koppja ma tkunx soda u tgħix fit-talb, mal-ewwel kurrent kontra tagħha… titlaq.
Libertajiet

altMarija hi tal-fehma li llum kollox miexi bil-maqlub. Tgħid li dari, bħala għarajjes, ftit kien ikollhom ħin flimkien, iżda ladarba tnejn jiżżewġu, kienu jingħaqdu bi skop sinċier u għal dejjem. Illum, suppost li tnejn li deħlin għaż-żwieġ, ikunu draw aktar u jafu sew il-karattru ta’ xulxin, għax mhux talli jqattgħu aktar ħin flimkien, talli għandhom il-libertajiet kollha li dari ma kienx hawn. Iżda dawn il-libertajiet qed iwasslu għal-libertina;; u għas-separazzjonijiet!

George u Marija jemmnu li hemm drabi fejn it-tort jista’ jkun tal-ġenituri, li għax ħassew it-toqol u s-sagrifiċċju fi tfulithom, għamlu ħilithom biex lil uliedhom iżommuhom fuq ir-rix. U flok li jagħtuhom valuri, servizz u stampa ċara tal-ħajja, jagħtuhom affarijiet li ma jagħmlulhom tajjeb għall-ġejjieni. Iżda jgħidu wkoll li drawwiet ġodda u l-mezzi ta’ komunikazzjoni daħħlu mentalita’ ġdida dwar iż-żwieġ.
Terġa’ llum, numru kbir ta’ żgħażagħ li waslu biex jiżżewġu, jemmnu li lanqas għandhom għalfejn jattendu għall-korsijiet ta’ Kana. Jippretendu li jafu kollox u li huma superjuri. Iżda meta jindunaw bl-iżball, ġeneralment ikun tard wisq.