Ġuża Mifsud

Charmaine Tanti M.A.

Mir-raħal tas-Siġġiewi,

Mara minn fost it-twajbin

Li kien jisimha Ġuża

Twieldet ilu bosta snin.

L-iżgħar fost seba’ aħwa,

Mara xempju tal-Maltin.

Kellha dix-xebba Ġuża

Ħajja bħal tal-qaddisin.

Ma’ familtha l-Girgenti

Kuljum kienet taħdem l-art.

Kienet dejjem tmur l-għalqa

Kemm fis-sħana u fil-bard.

Hemmhekk stess fil-Girgenti,

Kienet tħobb tmur ftit sal-wied

U toqgħod tgħid xi talba

Meta fl-għalqa tkun għejjiet.

Fuq is-siġra tan-naspli

Darba waħda rat dawl kbir.

Din kienet il-Madonna

Bi lbies fuqha tassew fqir.

Riedet minnha Marija

Ħafna talb għall-midinbin.

Ġuża pinġiet did-dehra,

Obdietha bla telf ta’ ħin.

Reġgħet dehret Marija

Meta għadda iżjed żmien.

U talbitha tpinġiha,

Dan fil-Ħamsinijiet kien.

Qaltilha wkoll Marija

Li Alla riedha għaliH

Minn eta` tassew żgħira,

Hi pinġietha minnufih.

Dan tal-Konsagrazzjoni

It-titlu ma kellha qatt.

U b’hekk xerrditu Ġuża

Għax ma kien tahulha ħadd.

Minn qaddisin, `rwieħ twajba,

Minn Ġesu` kellha d-dehriet.

Fil-laqgħat fil-Girgenti

Il-kelma tagħhom fis ġriet.

Meta għalqet għajnejha

Kellha aktar minn sebgħin.

Indifnet is-Siġġiewi

Hi fis-Sitta u Disgħin.