Joseph Henry Abela, Qassis

Minn xogħol għal xogħol, minn ħidma għal ħidma, minn taħbit għal ieħor. Iżda trid jew ma tridx, taħseb u tħammem għaliex weġġgħuni, għaliex qabżuni, għaliex qed jgħidu fuqi. Tieħu l-ħin issib tarf jew ieħor: imma jaqbel ?
Aħjar taħseb ’il quddiem u tara x’jimlilek qalbek, xi jpaxxi lil ruħek u kif tista’ filgħaxija tidħol timtedd fil-kwiet.
Bosta, minkejja li kienu mgħaffġa u lemħu kull mogħdija, tfarfru, inħaslu, ippruvaw u b’għaġeb għalihom irnexxew u stagħġbu kemm telqu d-dlam u issa qed jgħixu fil-quċċata tal-hena.
Il-ħajja ta’ kull maħluq fiha tbenġilha jew tnejn, ġerħa jew diqa: mhux qed ngħid tkun tiflaħ għaliha. Nissogra nlissen li tipprova l-iżjed li l-inkwiet tarah kullimkien u ssib min iżidu, iżda ħarstek twaddabha fejn trid int !
Dan mhux ħolm jew stħajjil fieragħ iżda ġrajja mimlija ta’ min stabat mal-qiegħ, ħares ’il fuq u reġa’ tela’.
X’nista’ ngħidlek, ipprova u tara li dak li seħħ f’ħaddieħor iseħħ fik ukoll.