
In-nannu ta’ Donna kien sikwit jiżra’ xi frott u ħaxix fil-ġardina tiegħu. L-għors tiegħu kien li mbagħad joqgħod isaqqih u jarah jikber bil-mod sa ma jasallu l-waqt li jaqtgħu u jieklu. Ma’ kulħadd kien iħobb jiftaħar kemm hu bnin il-frott u l-ħaxix li jkabbar hu.
Darba fettillu żera’ l-frawli. Kien jaf tajjeb li Donna kienet tagħmel ħafna għalih għax, meta kien ikun f’waqtu, lilu biss kienet tfittex għad-deżerta jew għat-tnaqqir. Issa kienet tabilħaqq ferħana se ttir li n-nannu kien żergħalha l-frawli. Iżda hu qalilha biex tistennieh isir aħmar, qabel ma dduqu, għax inkella jkun għadu nej, u jagħmlilha d-deni.
Għodwa waħda, Donna inzertat qiegħda tilgħab bil-ballun fil-ġardina meta fid-daqqa u l-ħin lemħet xi ħaġa ħamra qalb il-ħaxix. Wiċċha xegħel. Malajr ħasbet li l-frawli kien sar, u telqet tiġri taqta’ waħda ħalli tara kienx tajjeb bħal dak li kienet tixtrilha n-nanna mingħand Charlie tal-ħaxix. Imbagħad, daħlet fil-kċina, laħalħitha bi ftit ilma tal-vit, u tefgħetha f’ħalqha.
Miskina Donna! Kienet tqarrqet bla ma lanqas biss indunat. Ma felħitx iżżomm bil-ħruq. Ħasset ħalqha qiegħed jinxtewa. Wiċċha ħmarilha daqs il-peprin, u beda ħiereġ ħafna dmugħ minn għajnejha. Dik li qatgħet mill-ġardina mhux vera kienet frawla, iżda bżaru aħmar miż-żgħar milli jaħraq. Billi kienet għadha żgħira ma ntebħitx x’kien, u gidmitu mingħajr ma ħasbitha darbtejn. Hekk kif ħasset dak il-ħruq tal-infern ġo ħalqha, Donna beżqitu ‘l barra, u ntefgħet tixrob l-ilma frisk mill-vit forsi tħossha xi ftit aħjar. Damet tixrob għal naqra ħin mhux ħażin sakemm il-ħruq fl-aħħar beda jtaffi.
Donna għarfet li dak li ġralha kien kollu t-tort tagħha. Kellha għajnejha ikbar minn żaqqha għax ma stennietx lin-nannu jaqtgħalha l-frawli, u jagħtihulha malli jidhirlu li hu tajjeb għall-ikel. Ma qalet lil ħadd x’kienet għamlet. Meta sar il-frawli, u daqitu, tassew għoġobha. Kellu togħma ħelwa manna għall-kuntrarju tal-bżaru li kien jaħraq nar.
Minħabba fiha, in-nannu baqa’ jiżra’ l-frawli kull sena dment li kien għadu jiflaħ. Donna kienet dejjem tkun fuq ix-xwiek biex ifittex jasal dak il-jum li fih jinqata’ ħalli tieklu. In-nannu baqa’ jkabbar il-bżar aħmar ukoll, iżda Donna qatt iżjed m’azzardat idduqu wara dak li ġralha.