Iċ-Ċimiterju Abbandunat

L-aħħar kelma li kont tuża biex tiddeskrivi ċ-ċimiterju li jinsab fi Triq il-Fjuri, f’Ħaż-Żebbuġ hija dik li għandek bżonn erba’ pari għajnejn biex tħares lejh. Dan iċ-ċimiterju kien tassew żdingat, bil-ħajt nofsu mwaqqa’ u bil-grada mimlija sadid. Minkejja kollox, kien hemm misteru kbir marbut miegħu.

Iċ-ċimiterju abbandunat ta’ Ħaż-Żebbuġ kien jintuża għad-dfin fi żmien il-Kavallieri, imma wara xi snin ġie mitluq għal kollox. Iċ-ċimiterju kien eżatt fit-tarf tar-raħal, fejn ħadd ma kien joħlom li jgħaddi la matul il-jum u wisq aktar matul il-lejl!
Iċ-Ċimiterju Abbandunat BDL Books

Kultant kien hemm xi tfal avventurużi li kienu jmorru jilagħbu l-futbol ‘l bogħod mill-karozzi u minn kulħadd. Darba Mark, wieħed mit-tfal li kien iħobb jilgħab fit-toroq tal-madwar, ta xutt kbir bil-ballun u spiċċa qabeż il-grada taċ-ċimiterju. Ħadd ma ried imur għalih. Qalb Mark mill-ewwel għamlet tikk u imsarnu niżlu f’saqajh, għax in-nies tar-raħal kienu jgħidu bosta stejjer koroh fuq il-post. Kien hemm min qal li n-nies li daħlu fiċ-ċimiterju qatt ma ħarġu.
Wara battikata sħiħa, Mark tela’ mal-grada biex imur iġib il-ballun tiegħu. Beda jimmaġina kollox x’seta’ jiġri. Ftit wara ra l-ballun fuq lapida ta’ wieħed mill-Kavallieri u beda jgħajjat li sabu. Imma malli miss il-ballun, f’hemża u f’ħakka t’għajn ħarġet id mimlija dmija u bdiet tiġbdu lejn l-art. Mark beda jwerżaq twerżiq tal-biżgħa sakemm inħanaq. L-għaraq beda jġebel minn fuq wiċċu qisu funtana ma tiqafx. Malli sħabu semgħuh sparixxew għaliex tgħidx kemm ġrew lejn ir-raħal.
L-għada r-raħal kollu tkexkex għall-aħbar tal-għejbien ta’ Mark. It-tfajjel qatt ma deher aktar u xejn ma nstema’ dwaru. Ħaġa kienet ċerta li ħadd qatt aktar ma resaq lejn iċ-ċimiterju abbandunat!