L-iskrivanija tan-nannu

Charmaine Tanti M.A.
altMindu n-nanna bdiet tikber ma baqgħetx tiflaħ tnaddaf id-dar. Qatgħetha li tqabbad magħha lil Tereża bħala seftura, u din aċċettat minn qalbha. Tereża kienet tmur tnaddfilha d-dar darba kull ħmistax nhar ta’ Sibt filgħodu.
 
Donna mill-ewwel għamlet ħbieb magħha għax kellha natural taz-zokkor. Waqt li kienet tkun għandhom it-tifla kienet il-ħin kollu ddur warajha, daqqa biex turiha xi pupa ġdida li tkun qalgħet u oħra biex tgħidilha xi tkun għamlet l-iskola tul dik il-ġimgħa. Tereża kienet toqgħod tismagħha bil-paċenzja kollha u titbissmilha. Qabel titlaq kienet dejjem tagħtiha bewsa daqskemm kienet tiggustaha. Kollox kien miexi ħarir, sakemm Donna ivvintat praspura.
 
Meta darba waħda Tereża marret għandhom bħas-soltu, in-nannu ħareġ jagħmel passiġġata għax saqajh ma kinux qegħdin juġgħuh wisq. Tereża bdiet iddur minn kamra għal oħra biex tfarfar u taħsel l-art. Sadanittant in-nanna qagħdet tippreparalha belgħa te u biċċa suflè ħalli tagħtihomlha kif tlesti. Donna ma kienet tidher imkien. Tgħid fejn kienet qiegħda? Mhux soltu tagħha li kienet tkun daqshekk kwieta.
 
F’daqqa waħda Tereża daħlet fil-kċina b’nifisha maqtugħ. Kellha wiċċha aħmar nar. Kienet tidher inkwetata ferm. Qalet lin-nanna li l-iskrivanija tan-nannu kienet qisha se ssiefer daqskemm kellha fajls u karti fuqha, filwaqt li l-kxaxen tagħha kienu kollha miftuħin beraħ. In-nanna stagħġbet b’li qaltilha Tereża, għax l-iskrivanija tan-nannu kienet dejjem tkun pupilla. Ma riditux jaraha f’dik is-sura, u nfixlet waħda nobis. Żgur li mhux hu kien qala’ dak l-imbarazz kollu minn ġol-kxaxen. It-traskuraġni kien jobgħodha minn ġuf ommu. Tereża u n-nanna ħadu biċċa xogħol sa ma ġabru l-affarijiet kollha f’posthom ħalli n-nannu ma jagħmilx xi frattarija xħin jiġi lura d-dar.
 
Meta telqet Tereża, in-nanna ġietha l-kurżità fejn kienet Donna. Wara li daret ma’ kullimkien sabitha mistoħbija wara l-gwardarobba tal-kamra tas-sodda tagħha. Xħin staqsietha jekk kinitx daħlet fl-istudju tan-nannu, Donna ma kellmitha xejn. In-nanna bdiet taħseb li kienet għamlet xi brikkunata minn tagħha, għax hekk kienet tixhed dik it-tbissima nebbiexa tagħha. Kellha raġun. Fil-fatt Donna kienet daħlet baxx baxx hemm ġew u qagħdet tgerfex fil-kxaxen tan-nannu. Mela għalhekk kienet għebet! Minn dakinhar ’il quddiem, l-istudju tan-nannu beda jinżamm dejjem imsakkar fuq ordni tan-nanna, u Donna qatt aktar ma daħlet fih.