Sensiela Fanali

Il-programm Sensiela Fanali jipprovdi l-pedament neċessarju sabiex it-tfal jitgħallmu jaqraw b’mod sistematiku u gradat. Dan il-programm jimxi fuq il-metodoloġija tal-phonics u jippermetti lit-tfal jitgħallmu jiddeċifraw il-kitba separatament mill-fehim. It-tfal għandhom jinqrawlhom ħafna kotba differenti qabel u matul il-qari mill-kotba tas-Sensiela Fanali ħalli jkunu esposti għal vokabularju wiesa’. Dawn il-kotba jistgħu jibdew jintużaw minn tfal fil-bidu tal-vjaġġ edukattiv tagħhom, minn tfal b’diffikultajiet fil-qari u anke tfal bid-dyslexia.

Biex wieħed ikun jista’ jgħin lit-tfal fit-taħriġ qed inħejju kors li jinkludi t-taħriġ u r-riżorsi kollha meħtieġa biex il-ġenituri u l-edukaturi jħaddmu dan il-programm bl-aħjar mod.

Il-programm jikkonsisti f’seba’ livelli ta’ qari gradati u kull livell jiffoka fuq forom ta’ kelmiet differenti li jvarjaw minn forom KVK sa kelmiet b’aktar minn żewġ sillabi u b’sekwenzi konsonantali u strutturi varji. 

Kull livell jinkludi 10 kotba differenti li ma jinsabu fl-ebda ordni kronoloġika. Dawn il-kotba jinkludu wkoll l-awdjo li jistgħu jiġu aċċessati minn dan is-sit. Il-qari huwa wieħed reali u espressiv u jista’ jservi ta’ gwida għall-istudenti u anke għall-edukaturi. 

Il-kotba kollha jinkludu informazzjoni li tiggwida lill-ġenituri u l-edukaturi kif għandhom jużaw il-ktieb. Din tinkludi tagħrif fuq il-livell partikolari, il-forom tal-kliem li l-ktieb partikolari jkun qed jiffoka fuqu, tifsir ta’ vokabolarju ġdid, kif ukoll numru ta’ attivitajiet li jistgħu jsiru mat-tfal.