minn Charles B. Spiteri
Toninu Falzon mill-Birgu, li fi ċkunitu l-familja tiegħu marret tgħix il-Marsa, kien tifel li jattendi l-Museum b’mod regolari, iżda meta faqqgħet l-aħħar gwerra, inġabar bil-lieva u serva bħala suldat. Tul l-erba’ snin ta’ tħarbit ħadd ma kien jaf x’sar mill-għaqda tad-duttrina, għax il-laqgħat waqfu. Kien f’dan l-istess żmien li Toninu beda jinġibed lejn is-Sagrament taż-żwieġ. Meta ntemmet il-gwerra tkellem fuq hekk ma’ ommu u staqsieha kinitx taf b’xi xbejba għaż-żwieġ.
Mingħajr titubar, ommu Katy nee Forte, semmietlu lil Lucy, bint Tereża, li kienu bil-ħanut maġenbhom. Qaltlu li kienet tifla bieżla u li kienet temmen li hi addattata għalih. Mhux hekk biss, talli Katie għarrfet hi stess lil żewġha Ġużeppi bil-ħsieb ta’ binhom.
Għalhekk, Toninu nqeda biż-żewġ ħutu bniet, Tereża u Mary li spiss kienu joħorġu ma’ Lucy, biex iwasslulu l-istedina għall-imħabba.
Min-naħa tagħha, Lucy, bint Francesco, neguzjant u Tereża, qaltli li hi kienet l-unika tifla fil-familja. Għandha żewġ ħutha oħra, wieħed akbar u l-ieħor iżgħar minnha. Minħabba f’hekk kienet il-mimmi tal-ġenituri tagħha.
Passiġġati u talb
Spiss, matul il-ġimgħa, flimkien ma’ ħut Toninu, kienu jpassu mill-Marsa għall-kappella ta’ Lourdes fil-Furjana, fejn jgħidu xi talb. Darba waħda, f’Marzu tal-1945, waqt li kienu għal din il-passiġġata, Tereża qaltilha li ħuha Toninu kellu ġibda għaliha. Lucy ssummat u ma weġbitha xejn, għax qabel riedet tieħu l-permess tal-ġenituri tagħha.
Meta marret id-dar qalet b’kollox lil ommha, li staqsietha x’kienet wieġbet lil Tereża. Hi ammettiet li ma weġbitha xejn, għax xtaqet tara x’tgħidilha hi. U ommha weġbitha “issa naraw”. Sadattant marret tgħid lil żewġha Francesco bl-aħbar ta’ binthom u kulma qalilha kien “dak jogħġobni”. Lucy ssemmi li xi xahrejn qabel, kien mar xi ħadd ieħor ikellem lil missierha biex jitolbu jiżżewweġ lil bintu u missierha mhux talli ma riedx, talli kien bagħatha l-knisja biex lanqas tara min kien.
Bi tbissima tirrakkonta wkoll li wieħed minn zijietha, ġuvni, li kien ikun sikwit għandhom; meta sema’ mingħand ommha bil-ġibda ta’ Toninu lejn Lucy, qal lil missierha “lil dan ma tgħidlux le, ta!” U missierha wrieh li lest jaċċettah.
B’hekk, omm Lucy qaltilha biex meta terġa’ tiltaqa’ ma’ Tereża tistaqsieha jekk dak li kienet qaltilha, kienx minnu, u jekk tgħidilha li kien tassew, tweġibha “iva”. Għamlet hekk u mill-ewwel kienet aċċettata bħala waħda tal-familja u bdiet tidħol id-dar għandhom. Matul dan l-episodju, Lucy kellha 19 u Toninu 25 sena.
Aħwa ’l-aħwa
In-namur ma kienx jeżisti. Ladarba l-ġenituri jkunu jafu bil-ħsieb rett, kienet tibda l-għerusija, b’data fissa għaż-żwieġ, li ta’ dawn l-għarajjes kienet it-28 ta’ April tal-1946. Bħala għarajjes kienu joħorġu għal xi passiġġati, iżda dejjem iġorru magħhom lil oħt Toninu, li inċidentalment, spiċċat biex iżżewġet lil ħu Lucy.
Toninu u Lucy jiftakru li kienu xtraw iċ-ċrieket tal-għerusija u tawhom lil xulxin waqt riċeviment fejn tlaqqgħu l-ġenituri. Matul din il-laqgħa kienet saret diskussjoni fuq id-dota, fejn l-għarajjes ingħataw kulma kellhom bżonn għad-dar…tant li wara 68 sena għad għandhom bosta tifkiriet tad-dotarju.
Il-koppja Falzon qaltli li peress li dak iż-żmien kienet għadha kif intemmet il-gwerra, ma tantx kien hawn postijiet fejn imorru jabitaw tabita fihom, għax ħafna kienu ġġarrfu. Iżda l-familja ta’ Lucy, li kellha dar kbira, offritilhom imorru joqogħdu għandha sa ma jsibu fejn joqogħdu. Min-naħa tagħhom, Toninu u Lucy kienu diġa’ qabbdu sensara biex issibilhom dar għalihom.
Ġara iżda li l-familja ta’ Lucy kellhom dar mikrija l-Marsa u min kien joqgħod fiha kien se jmur l-Afrika ta’ Isfel. B’hekk ingħataw din id-dar biex imorru joqogħdu fiha.
Toninu u Lucy żżewġu fil-jum tal-Ħadd, peress li minħabba l-ħwienet li kellhom il-familja ta’ Lucy, din kienet l-aktar ġurnata ideali. Il-kunsens taż-żwieġ sar filgħaxija, fil-knisja parrokkjali tat-Trinita’. Żewwiġhom Patri Ġużepp Falzon, Dumnikan, li hu l-prim kuġin ta’ Toninu u li kien għadu kif ħa l-quddiesa tliet xhur qabel. Bħala xhieda kellhom ziju minn kull naħa, it-tnejn jisimhom Carmelo.
Ir-riċeviment
Ir-riċeviment tat-tieġ għamluh f’sala fi Triq Balbi, il-Marsa. Kellhom tieġ sabiħ minkejja li kienet għadha kif spiċċat il-gwerra.
Wara t-tieġ marru għall-qamar il-għasel fil-lukanda Riviera, Għajn Tuffieħa u mbagħad niżlu fid-dar ġdida tagħhom biex jibdew ħajjithom.
L-ewwel tarbija li kellhom kienet tifla, illum Suor Olivia, Dumnikana. Imbagħad kellhom lil Catherine, miżżewġa lil John Calleja u għandhom żewġt itfal, Christian u Clarissa. Wara kellhom lil Tessie, miżżewġa lil Twanny Cutajar u għandhom tlett itfal; Norbert, Ruben u Maria Alexia. Fl-aħħar kellhom lil Joe, li hu miżżewweġ lil Josette u wkoll għandhom tlett itfal; Nicholas, Daniel u David. B’hekk, Toninu u Lucy huma nanniet ta’ tmien neputijiet u bużnanniet ta’ żewġ pro neputijiet Samuel u Julia, ulied Nicholas, li hu bin Joe.
Mitluba jagħtu l-fehma tagħhom fuq il-valuri tal-passat u llum, il-koppja Falzon taqbel li fl-antik il-bniedem kien aktar reliġjuż u jfittex lil Alla. Illum, il-materjaliżmu kiber u qaċċat lill-ispiritwalita’. U qed naraw li aktar mal-bniedem jingħaqad mal-materjal, jinqata’ għal kollox mill-ispiritwal.
Biex Lucy tfiehem kemm kienet qawwija r-reliġjożita’ fi żmienhom, issemmi li f’pajjiżna kien daħal it-talkies. Ħafna żgħażagħ kienu jmorru biex jaraw xi filmat. Hi kienet tgħid lil missierha biex xi darba tmur, u hu kien iweġibha li xi darba joħodha. Darba, wara li reġgħet qaltlu, qalilha biex tmur tbiddel. Lucy ħadet gost kbir u rat lil ommha u lil ħutha mbiddlin ukoll. Iżda mbagħad kienu jispiċċaw iċ-ċimiterju, fejn kienu jitilgħu ħdejn il-kappella u jagħmlu l-Via Sagra u jitolbu għall-mejtin. Din kienet rutina regolari. U meta ma jmorrux iċ-ċimiterju, kienu jattendu l-knisja għall-prietka jew katekiżmu ta’ wara nofsinhar. Illum, tgħid Lucy, dawn l-affarijiet inqatgħu għal kollox.
Differenzi
Mitlubin jgħidu x’jaraw differenti mill-għerusija tal-imgħoddi għal dik tal-lum, Lucy tgħid li hemm baħar bejniethom. Illum, iż-żgħażagħ joħorġu, imorru fejn iridu u jdumu kemm iridu. Illum ma jġorru lil ħadd magħhom bħala chaperon. Barra minhekk, meta l-ġenituri l-antiki kien ikollhom lil uliedhom għarajjes, kien ikollhom seba’ mitt sena sakemm iżewġuhom, biex ir-responsabbilta’ tagħhom ikunu wettquha fil-milja tagħha.
Toninu jgħid li d-differenza kollha tinsab fid-dixxiplina. Dari, id-dixxiplina kienet serja. Illum, din battiet ukoll. U fejn ma jkunx hemm dixxiplina, il-bniedem jasal jiftaħ il-bibien tal-passjonijiet, u dawn jiġru bih u jwaqqgħuh f’kull tiġrib.
Toninu żied li eżempju tipiku tan-nuqqas tad-dixxiplina jidher sew fl-iskejjel Maltin. Fejn dari, jekk għalliem jikkorreġi student u jagħtih xi daqqa ta’ riga, il-ġenituri kienu jaqblu mal-għalliema – illum issib lill-ġenituri jieħdu l-linja tal-ulied u jmorru għas-sodisfazzjon, jekk mhux ukoll iħebbu għall-għalliem.
Ikompli jtenni li jekk il-ġenituri tal-lum ma jżommux il-bastun tad-dixxiplina, għad jiġi żmien li l-bastun ikun f’idejn ħaddieħor u jsawwat lilhom infushom minflok. Apparti dan, maż-żmien, l-ulied għad jisħtu lill-ġenituri tagħhom, għax la jkunu draw bla dixxiplina, ma jkunu lesti jbaxxu rashom għal ħadd.
Mitlubin jistqarru x’kienet ir-riċetta għal 63 sena żwieġ hieni, il-koppja Falzon taqbel mal-kliem ta’ Patri Paten, li “min jitlob flimkien, jibqa’ flimkien”. Jekk ma jkunx hemm Alla l-imbierek bejn ir-raġel u l-mara, il-problemi li jinqalgħu, iġarrfu kollox. Kulħadd kellu, għandu u jibqa’ jkollu l-problemi tul ħajtu. Id-differenza fis-soluzzjoni tagħhom hi biss fir-rigward ikunx hemm Alla fil-qalb tal-koppja. Jekk iva, kull problema ddub u tixxejjen, jekk le, il-koppja tasal tinfired. Għax ir-reliġjożita’ twasslek biex bl-umilta’, tagħraf, tagħder u taħfer, iżda jekk ma tkunx trid taf bir-reliġjon, ir-ras iebsa twasslek għad-dagħbien u t-telfien tar-ruħ.
L-għajnuna ta’ Alla
Min-naħa l-oħra jaqblu li meta koppja miżżewġa jkollha xi tgħid bejnietha, m’għandha qatt tirrikorri għall-għajnuna tal-ġenituri jew tal-ħbieb, għax dawn jafu jxaqilbu lejn xi parti u jagħmlu aktar ħsara milli ġid. Meta raġel u mara jiżżewġu, għandhom ikunu kapaċi li fin-nuqqasijiet tagħhom stess, jiddiskutu bejniethom u jsolvu d-differenzi ta’ bejniethom weħidhom, bl-għajnuna ta’ Alla.
F’għeluq il-ħamsin u sittin sena żwieġ, Toninu u Lucy iċċelebraw b’quddiesa ta’ ringrazzjament. Għall-ħamsin sena, din tqaddset fil-Għar tal-Madonna Dumnikani, r-Rabat. Qaddsilhom l-istess Patri li żewwiġhom – Fr. Joe Falzon u wara marru għal ikla f’ristorant ir-Rabat. Fl-okkażjoni tas-sittin sena żwieġ, il-quddiesa ta’ ringrazzjament għamluha fil-knisja San Ġorġ Preca u qaddsilhom Dun Gordon Refalo. Wara marru għal ikla f’ristorant f’Ta’ Xbiex. Għaż-żewġ okkażjonijiet, ġiet mill-Awstralja binthom Suor Olivia, fejn ilha f’missjoni snin sħaħ.