Ħadd differenti

altIllum ġa ftehimt man-nanna. Iz-ziju Pi u z-Zija Luċija joħorġu lil xi ħadd ieħor minn ħuti minfloki. Nannuwi jieħu gost għax ikollu min jgħinu.

Fis-sebgħa diġà lebsin pulit. Jien għandi libsa speċjali… ħitithieli n-nanna. Ġakketta griża rrigata rqiq u qalziet (shorts) pariġġ. Hi liebsa l-iswed b’ġawhar ma’ għonqha. Biex lestjena qgħadt ngħinha tagħmel xagħarha. Tgħid li hu coronation. Tniżżel xagħarha ’l isfel, imbagħad tagħmel lastiku iswed madwar il-qurriegħa u jien inkebbibulha fit-tond mal-lastiku. Naraha tieħu gost bija bħala parrukkier, iżda l-aħħar daqqiet dejjem tagħmilhom hi. Min jaf għala?

Ftit lil hinn minn quddiem il-kappella tal-Mużew hawn l-istejġ għall-Belt. Jien u n-nanna qisna żewġ għarajjes. Id-differenza fl-età. Iżda nħobb noqgħod labranzetta magħha għax tgħid li jien bastun.

L-ewwel waqfa tkun fil-knisja ta’ San Franġisk fi Triq Irjali, l-Belt. Hemmhekk nisimgħu quddiesa. Ġieli tkun bil-kant, fejn il-vuċijiet ikunu qishom ħerġin mis-saqaf tal-knisja. Inħares iżda ma nara lil ħadd. Dejjem naraha knisja mudlama. Fil-ġnieb tal-knisja hemm il-konfessjonarji. F’wieħed minnhom in-nanna tmur biex tqerr. Dejjem fl-istess wieħed u dejjem l-istess patri. Tgħid li jismu patri Ġużepp. Tgħidx kemm ikollu nies għall-qrar.

Illum mort biex inqerr għandu. Ġibidni lejh. Ħares waħda sew lejja, raddejt is-salib miegħu u tani penitenza bla ma ħallieni ngħid xejn. Kos hu, qisu kien jaf x’kont se ngħidlu. Bqajt imbellah. Meta noħorġu mill-quddiesa ngħid lin-nanna bil-mod tal-qrara. “Dak Patri bravu. Jaf id-dnubiet ta’ kulħadd minn qabel,” tgħidli. Ma tantx nemminha!

Strada Merkanti minn kif iddur mal-knisja tal-Vitorja tibda geġwiġija ta’ nies. Minn hawn sas-Suq tal-Belt, iduru għal Misraħ San Ġwann u mbagħad anki minn Triq il-Merkanti għal Triq it-Teatru l-Qadim hawn il-Monti. Karettuni kbar mal-ħitan b’diversi affarijiet għall-bejgħ. In-nanna tieqaf ħdejn kull karettun li jkollu d-drappijiet. Tistaqsi għall-prezz u tibda tnaqqaslu bl-addoċċ. L-istess jagħmlu nisa oħra. U tiskanta, dejjem jixtru bil-prezz li jridu huma u mhux ta’ dak li jkun qed ibigħ. Kos hu, kemm hu kbir il-profitt! U mbagħad hi tixtri u jien inġorr.

Quddiem San Ġwann, fejn jaħdem missieri bħala marmist, hawn ħanut antik tat-tè, magħruf bħala ‘Ta’ Żewwiġni’. Hawnhekk nidħlu għal tè u pastizzi. Jien tè ma niħux minn barra. Għalhekk tixtrili luminata. Dan il-ħanut hu maqsum f’żewġ kmamar isfel, bejniethom taraġ li jagħti għal kamra oħra fuq. Il-lum qtajtha li rrid nitla’ hemm avolja n-nanna tgorr għat-taraġ. Tgħid xejn, se tikkuntentani. Nitilgħu. Kamra mdaqqsa b’salt imwejjed. Nies kull kwalità, iżda kollha mbiddlin. F’rokna minnhom qed nara xena li tqabbadni d-daħq. In-nanna ssikkitni. Raġel u mara, naħseb minn xi raħal, bit-tè quddiemhom. Flok plattina għandhom skutella żgħira. Qed iferrgħu t-tè mit-tazza għall-iskutella, u jfittxu l-ħobż fiha. Mil-lum ma rridx nitla’ aktar fuq, f’dak il-ħanut.

Qajl qajl nimxu sas-Suq. Posti tal-bejgħ kemm trid. Irwejjaħ aktar. Min bil-ġobon, oħrajn bil-laħam, fniek tiġieġ, ħut, grocer. Semmi u ssib. Il-posti qishom kmamar ta’ ħdejn il-baħar. Kollha injam u kaxxi. Mal-ħajt, fil-għoli, fuq il-bejjiegħa tal-ħut, hawn inkwatru sabiħ tal-Madonna. Mad-dawra tiegħu bosta qlub tal-fidda. Qishom dawk li kien ikollhom ma’ sidirhom is-Sorijiet tal-Qalb ta’ Ġesù, fejn kont immur skola meta kont żgħir. Kemm nieħu gost ikolli waħda u ndendilha jien ukoll ma’ sidri. Nannti ma tixtrix bl-addoċċ. Iddur dawra, tara liema posta hi l-aktar nadifa, imbagħad nerġgħu nduru u tixtri. Tal-ġobon ma jużax sikkina. Għandu qisu arkett u jaqta’ bih. Wara li tixtri bosta affarijiet għad-dar, il-piż fil-basktijiet tal-karta tal-brown paper  li jingħataw b’xejn, jitqal mhux ħażin. Mal-ħdax u nofs nerħulha lejn id-dar għall-ikel.

Wara nofs ta’ nhar bħal dan, ir-rutina dejjem tkun l-istess. Ġirja għas-sodda u raqda bit-tama li l-għada jisbaħ mill-ġdid is-Sibt.

Xi Ħadd ieħor ’l hawn u ’l hemm, meta filgħodu ma noħorġux, jirbaħna Tas-Sliema waranofsinhar. Xħin immur ngħid lin-nannu li se noħorġu jibda jgorr, u jgħidli li n-nanna qisha “mejda tal-qubbajt”. Jien norbot idejja quddiemu, għax naf li mal-barka jagħtini l-għażla ta’ ċikkulata li rrid. Qatt ma ħadtlu mill-għoljin, li kienu jkunu l-Whole Nut , il-Fruit & Nut  u l-Milk Chocolate  tal-Cadbury, għax in-nanna tavżani minn qabel. Għalhekk nieħu ċikkulata tat-tliet soldi, xi Nestlè  jew Coconut Square.

Mill-Blata l-Bajda mmorru l-Belt u naqbdu l-karrozza għal Tas-Sliema. It-triq tidher ’il bogħod. Nieqfu quddiem ix-Chalet  u nimxu bil-mod il-mod tul għonq it-triq. Meta n-nanna tgħejja, tintasab fuq bank ħdejn xi mara oħra. Huma jparlaw u jien niġri fuq il-bankina wiesgħa, taparsi qed insuq karrozza jew naqbeż bħal fuq żiemel.

Qabel ma jidlam, nidħlu l-ħanut tal-Golden Harvest  ftit lil hinn mill-Fortizza, nixorbu xi ħaġa fuq żewġ pastizzi u nerġgħu lejn id-dar.

Ġeneralment, il-vjaġġ lejn id-dar iħeddilni u jraqqadni fil-karrozza. Meta jiġri dan inħoss bard kbir meta nieqfu fil-venda tal-karrozzi l-ħodor ta’ Tas-Sliema u nkunu rridu naqsmu għal dawk ħomor tal-Ħamrun.