Kejk Jaħraq

Charmaine Tanti M.A.
alt

Meta Elise u Luca  ma kienx ikollhom skola, kien l-hena tagħhom li jagħmlu xi ħaġa mhux tas-soltu. Daqqa kienu jfarfru l-kamra tagħhom, daqqa kienu jgħinu lill-papà jaħsel il-karozza, u ġieli saħansitra kienu jonxru l-ħwejjeġ jew jaħslu l-platti. Għodwa waħda inzertat festa pubblika u fettlilhom riedu jsajru. Qamu ppreparati minn filgħodu biex jagħmlu kejk bħal dak li kienet sajret waħda mara waqt il-programm ta’ waranofsinhar fuq it-televixin xi jiem qabel.
 
Ir-riċetta tal-kejk kienet sempliċi għall-aħħar, iżda l-mamà qajla kellha aptit taqla’ imbarazz u ħmieġ fil-kċina. Elise u Luca wegħduha li jgħinuha fit-tindif la jlestu l-kejk, u bis-soltu żegħil u ħlewwa tagħhom ġiegħlu lill-mamà tgħid iva u tħallihom isajru. Tgħidx kemm qabżu bil-ferħ għax kienet għaddiet tagħhom!
 
Elise u Luca ma tilfux ħin u libsu l-fradal f’kemm ilni ngħid. Il-mamà wiżnitilhom l-ingredjenti meħtieġa għall-kejk, skont ir-riċetta, u mbagħad newlithomlhom. Fi skutella kbira tal-plastik ħalltu flimkien id-dqiq, il-bajd, il-butir, iz-zokkor, il-ħalib, il-baking powder u ż-żbib. Sakemm it-tfal qagħdu jħawdu l-kejk il-mamà warrbet ftit, għax il-papà qalilha li Peter kien qabdu l-għatx.
 
Tistgħu taħsbu kemm Elise u Luca ħadu gost iħawdu l-kejk ftit kull wieħed bl-imgħarfa tal-injam! Dakinhar kienet l-ewwel okkażjoni tagħhom li fiha kienu qegħdin isajru xi ħaġa, u għalhekk ma ridux joħorġu ta’ ħmir. F’salt wieħed Elise ftakret li kienu nsew iżidu ftit mixed spice mat-taħlita tal-kejk, bħalma kienu raw fuq it-televixin. Dlonk telgħet fuq siġġu u mill-armarju tal-kċina ħadet l-ewwel bott tal-ħwawar li rat quddiem għajnejha. Imbagħad żiedet ftit kuċċarini minnu mat-taħlita tal-kejk u reġgħet poġġietu f’postu. Sa ma ġiet lura l-mamà fil-kċina, it-taħlita kienet lesta f’reċipjent u hi qegħditu fil-forn.
 
Elise u Luca għenu lill-mamà tiżbarazza u tnaddaf il-kċina, kif kienu ftiehmu magħha qabel, biex ma toqgħodx tgerger. Xi nofs siegħa wara l-kejk kien lest, u l-mamà ħarġitu mill-forn u ħallietu jibred. Elise u Luca kienu mejtin biex jaqsmuh ħalli jaraw jekk ħarġux gwappi daqs il-koka tat-televixin. Kienu beħsiebhom idewquh lin-nanniet ukoll, minbarra lill-mamà, lill-papà u lil Peter, ħalli jaqilgħu l-prosit mingħandhom.
 
Iżda oħroġ il-għaġeb ħadd ma felaħ jieklu l-kejk, u bir-raġun! Kif kont tieħu mqar gidma minnu, f’ħalqek kont tħoss ħruq akbar min-nar tal-infern, u kien ikollok tixrob ftit ilma mhux ħażin sakemm jgħaddilek! Tgħid għaliex kien jaħraq daqshekk il-kejk? Mhux suppost li kellu ingredjenti jaħarqu fih. Elise u Luca mhux talli ma qalgħux tifħir, imma talli l-kejk kellu jintrema. Ħadd ma seta’ jifhem x’kien ġara, iżda qalb Elise għamlet tikk. Intebħet li kienet għamlet balbuljata meta żiedet il-curry mat-taħlita tal-kejk minflok il-mixed spice! Mhux ta’ b’xejn li l-kejk kien jaħraq! Qalet lil Luca bl-iżball oħxon li għamlet, u t-tnejn ftiehmu li l-biċċa tibqa’ bejniethom biss, għax inkella kienu jaqgħu għaċ-ċajt.
 
Meta mbagħad għadda ż-żmien u Elise u Luca reġgħu sajru l-istess kejk, qagħdu attenti ferm mill-iżbalji u ħarġu kburin bir-riżultat. Din id-darba l-kejk ittiekel kollu. Tant intgħoġob li l-familja kollha kienet kelma waħda: “Kemm jafu jsajru Elise u Luca, Alla jberikhom!’’ Minn dakinhar ’l hemm Luca u Elise baqgħu jsajru l-kejkijiet favoriti tagħhom u jdewquhom lil kulħadd.