It-tattwaġġ – parti mill-wirt tal-umanità

Charles B. Spiteri
alt
Dik li dari kienet dehra rari, li tara tattwaġġ fuq l-għaksa jew l-ispalla ta’ mara, illum qisha saret xi ħaġa marbuta mal-ħajja moderna. Iżda din il-kollezzjoni ta’ immaġini turi li t-tattwaġġ mhux xi fenomenu modern, kif forsi hawn min jaħseb. Waqt li t-tattwaġġi huma fenomenu relattivament riċenti fl-Ewropa u fl-Istati Uniti, l-arti tal-persuna ilha tifforma parti mill-kultura Polinesjana u sa nstabet fuq il-fdalijiet mummifikati ta’ saċerdoti u saċerdotessi tal-Eġizzjani tal-Qedem.
 
Issa l-istorja ta’ 5,000 sena ta’ tattwaġġi ħadet il-ħajja f’esibizzjoni li saret dan l-aħħar fil-Musée du Quai Branly, li turi l-evoluzzjoni tal-arti fuq il-ġisem tul is-sekli. Għalkemm it-tattwaġġi dehru għall-ewwel darba fuq l-iġsma tal-irġiel u n-nisa Neolitiċi, ma dehrux fil-kultura tal-Punent sas-seklu 19, u l-ewwel darba li dehret din il-ħerqa għalihom kienet fis-soċjetà għolja Vittorjana.
 
altFl-istess seklu t-tattwaġġ kien popolarizzat mill-esploraturi li marru lura fil-Gran Britannja, mimlijin ħrejjef fuq in-nisa msaħħrin u mimlijin tattwaġġi li raw tul il-vjaġġi tagħhom. Minħabba f’hekk, it-tattwaġġi bdew isiru xi ħaġa mitluba min-nisa tal-klassi l-għolja. Jingħad li tant kienet qawwija x-xewqa għal din l-arti tal-ġisem fi żmien il-perjodu Vittorjan li anki r-Reġina Vittorja jingħad li kellha waħda li turi tigra tal-Bengal tiġġieled ma’ python.
 
Fil-Punent it-tattwaġġi bdew jintużaw biex jimmarkaw lill-iskjavi u biex jistigmatizzaw lill-persuni li jkunu wettqu xi ħaġa ħażina, bħal fil-każ ta’ Colbert’s Code noir (il-kodiċi sewda) fi Franza, li kienet timmarka ġisem il-kriminali u l-prostituti. Għall-bidu din l-arti tat-tattwaġġi kienet ċensurata mill-Kristjaneżmu. Tinsab ipprojbita fil-Levitiku u fit-Testment il-Ġdid, u reġgħet kienet ripressa uffiċjalment fis-sena 787 mit-tieni Konċilju ta’ Niċea. Iżda baqgħet prattikata xorta waħda mill-pellegrini fiż-Żminijiet tan-Nofs u għadha pprattikata sal-lum mill-Kopti, l-Armeni u l-Kristjani tal-Art Imqaddsa.
 
altMadankollu, kollox tbiddel fis-snin 1700 meta t-tattwaġġi bdew jintwerew bħala ribelljoni u ħsieb liberu u kienu adottati mis-soċjetà Boemjana u mill-membri tal-Forzi Armati. B’mod partikolari, il-baħrin kellhom tattwaġġi fuqhom biex juru f’liema pajjiżi vvjaġġaw. Bdew ipinġu fekruna biex juru li qasmu l-Ekwatur, ankra li turi li qasmu l-Atlantiku u dragun biex jissimbolizzaw li vvjaġġaw lejn il-Lvant.
 
Sa tmiem is-seklu dsatax it-tattwaġġi bdew ikunu aċċettati sew mis-soċjetà, għalkemm uħud baqgħu marbutin mal-konnotazzjonijiet oriġinali tagħhom. Interessanti jingħad li fil-Britannja Vittorjana kienu jisirqu bil-forza u jittattwaġġjaw lin-nisa, li mbagħad kienu jkunu mġiegħla jaħdmu bħala attrazzjonijiet fiċ-ċirkli.
 
Illum il-ġurnata ħafna jsostnu li t-tattwaġġ hu parti mill-wirt komuni ta’ ħafna mill-umanità, u hu għalhekk li numru mdaqqas ta’ individwi qed jinjettaw il-linka f’ġisimhom.