Bighi – Sptar u skola

ta’ Ronald Bugeja

L-iskola ta’ Bighi hija skola li kienet dedikata lil Abraham Gatt li kien skultur Malti magħruf. Sitta u għoxrin sena ilu bdejna s-sena skolastika 1992–93, u jiena kont wieħed mill-istudenti li, flimkien ma’ ħafna oħrajn bdejna s-sena skolastika tagħna biex nieħdu t-tagħlim fuq is-sengħa tal-elettriku. Kien hemm ukoll plumbers, bench fitters, welders u sheet metal workers, jiġifieri landiera. Hekk kif wara li għamilna l-għażla tagħna f’dik li tittratta s-sengħa li xtaqna nitgħallmu, konna ġejna magħżula biex nattendu f’din l-iskola, li fil-każ tiegħi kienet is-sengħa ta’ dawl (electrician).Bighi BDL Blog

Oriġinarjament, dan il-bini uniku, li jinsab fit-tarf tal-peninsula msemmija bħala l-Għolja tas-Salvatur ġol-Kalkara, ra l-bidu tiegħu fi żmien il-Kavallieri meta Fra Giovanni Bichi beda jibni dan il-palazz fis-sena 1675 skont id-disinn ta’ Lorenzo Gafà. Il-parti oriġinali ta’ dan il-palazz storiku fortunatament għadna nistgħu narawha sal-lum il-ġurnata.

Wara l-mewt ta’ Fra Giovanni Bichi, il-palazz għadda f’idejn in-neputi tiegħu li kien Fra Mario Bichi. Il-palazz kien okkupat sas-sena 1740, meta mbagħad fis-sena 1798, mal-wasla ta’ Napuljun Bonaparti, skont ma sibt fir-riċerka tiegħi, dan kien għamel żmien joqgħod f’dan il-palazz. Dan kien iż-żmien meta il-Kavallieri taħt il-Gran Mastru Ferdinand von Hompesch għaddew il-Belt Valletta u l-kumplament ta’ Malta f’idejn il-Franċiżi.

Il-bidla f’dan il-palazz waslet meta fl-aħħar Sir Alexander Ball keċċa lill-Franċiżi minn Malta fl-1800 u l-Ingliżi ħadu ’l Malta taħt idejhom bil-għajnuna ta’ ħafna Maltin li riedu jeħilsu minn taħt idejn Napuljun. Ftit wara, Lord Nelson talab biex dan il-palazz jinbidel fi sptar li kellu jservi għal dawk il-baħrin navali u dawk li jiddaħħlu Malta minn fuq ix-xwieni. Iżda dan kollu baqa’ ma seħħx! Il-palazz spiċċa biex serva bħala bini taċ-ċivil, kif ukoll ismu ġie mibdul f’Villa Bighi flok Villa Bichi kif kien oriġinarjament issemma minn Sir Alexander Ball.

Waqt dan dan il-perjodu, arkeologu Ingliż kien qed jagħmel xi xogħol ta’ skavar fuq din l-għolja viċin ħafna ta’ Villa Bighi fejn hemm sab xi fdalijiet ta’ żmien il-Feniċi. Dan kollu seħħ fis-sena 1827, sebgħa u għoxrin sena wara li l-Ingliżi kienu ħadu ’l pajjiżna taħt it-tmexxija tagħhom, fejn imbagħad wara ħafna talbiet u sforzi biex iseħħ dak li kien xtaq Lord Nelson kellu jkun l-intervent personali tar-Re Ġorġ IV biex tnieda l-proċess biex jibda jinbena l-isptar flimkien ukoll mal-ġnien li kellu jservi biex il-pazjenti li jkunu rikoverati ġo Bighi jkollhom post adattat fejn joqogħdu għall-mistrieħ.

Il-proċess tal-bini tal-isptar iddisinjat minn Saverio Scerri, perit Malti li kien iservi fir-Royal Navy f’Malta, tlesta fl-1830, kważi tliet snin wara, u dan wassal biex reġa’ nbidel l-isem ta’ dan il-bini u ngħata l-isem ta’ Royal Navy Bighi Hospital.

Dan l-isptar kien kapaċi jilqa’ madwar 200 pazjent. Hekk kif tlesta x-xogħol tal-bini beda wkoll ix-xogħol ta’ gewwa kif ukoll beda jinġieb l-apparat meħtieġ biex ikun jista’ jibda jopera bħala sptar. L-ewwel ġebla tqiegħdet mill-Ammirall Sir Pulteney Malcolm bil-kontribuzzjoni ta’ Sir George Whitmore. Flimkien magħhom kien hemm ukoll il-Gvernatur Sir Thomas Maitland. Il-proġett ħa kważi sentejn biex tlesta u fl-1832 beda joppera bħala sptar.

Maż-żmien saru iktar tibdiliet fih, kemm bħala struttura kif ukoll bħala operat. F’Malta bdew gejjin iktar infermiera u tobba u magħhom kien hemm ukoll Maltin li kienu jservu ġewwa l-isptar. Minħabba d-domanda kbira li kien hemm, kif ukoll hawn ta’ min isemmi li l-ħsieb li kellu Lord Nelson kien ġust u bżonjuż ħafna, wara li sar ħafna iktar xogħol u tibdliet minn riċerka li għamilt jien ħareġ li l-isptar kien jista’ jilqa’ madwar 700 pazjent kull sena inklużi dawk il-baħrin li kienu jidħlu Malta fuq il-bastimenti wara vjaġġi twal fuq il-baħar.

L-isptar kellu jilqa’ wkoll lill-Prinċep Alfred li jiġi t-tifel tar-Reġina Victoria. Wara vjaġġ twil fuq il-baħar il-Prinċep kien ilu iktar minn xahar li kien marad u hekk kif wasal Malta ddaħħal dritt l-isptar biex jingħata l-kura meħtieġa. Parti mill-glorja ta’ dan l-isptar kienet eżatt meta bħal leħħa ta’ berqa bdiet tiġri l-kelma li l-Prinċep fieq u ħareġ mill-isptar b’saħħtu.

F’żmien l-Ewwel Gwerra Dinjija l-Isptar ta’ Bighi kien strumentali ħafna, għalkemm Malta ma kinitx involuta militarjament fil-gwerra iżda fit-Tieni Gwerra Dinjija kien ta’ għajnuna kbira speċjament għal dawk is-suldati u l-bdoti li kienu jiġu midruba waqt xi attakk jew xi missjoni fuq Malta.

L-Isptar ta’ Bighi intlaqat darbtejn b’bombi diretti fuqu u saret ħsara kbira. L-ewwel daqqa kienet fuq in-naħa ta’ fejn hemm il-lift. Kienet parti importanti ħafna għax kienet in-naħa minn fejn l-Ingliżi kienu jtellgħu l-midrubin minn fuq il-bastimenti għal ġewwa l-isptar. Dak kien wieħed mill-attakki li sar fuqu. Dak iż-żmien kien ukoll l-istess żmien meta l-Kalkara qalgħet xita ta’ bombi f’attakki li kienu mmirati l-iktar fuq il-Kottonera, dan minħabba li Benito Mussolini beda jħejji ruħu biex iġiegħel lil Adolf Hitler jinvadi ’l Malta permezz tal-operazzjoni magħrufa bħala Operation Hercules C3. Dan qala’ diżgwid kbir bejnu u bejn il-Kmandant Rommel li kien qiegħed iwettaq offensiva fl-Eġittu. Dan minħabba l-fatt li kien hemm iktar bżonn li l-operazzjoni titbagħat l-Eġittu milli Malta. Malta kienet ossessjoni għal Mussolini, iżda mhux fuq l-aġenda ta’ Hitler. Hawn deher ċar li għal Adolf Hitler Malta ma kinitx daqshekk importanti. Dan għaliex kien jemmen li jekk jinqata’ l-kuntatt bejn Ġibiltà u l-Eġittu Malta kienet se ċċeddi waħedha! Iżda Mussolini ried b’saħħa li Malta taqa’ taħt idejh.

Bighi reġa’ ntlaqat għat-tieni darba bejn id-9 ta’ Marzu u l-20 ta’ April 1942 fejn kienu intbagħtu l-high level bombers f’formazzjoni perfetta ta’ 300 wara 300, mewġa wara mewġa. Dan kien jinkludi wkoll il-Ju 88 Stukas biex ikissru u jfarku l-madwar tal-Port il-Kbir u jħejju għall-Operazzjoni C3, operazzjoni li ġiet posposta minn Adolf Hitler innifsu biex l-Operazzjoni C3 tintbagħat l-Eġittu flok Malta peress li l-Eġittu kien hemm iktar bżonnha biex Rommel seta’ jkompli bil-missjoni militari tiegħu biex jerga’ jerbaħ l-art li t-Taljani stess kienu tilfu minn taħt idejhom.

F’dawn l-attakki ntlaqtet ukoll iktar minn darba b’bombi diretti il-knisja parrokkjali ta’ San Ġużepp fil-Kalkara. Min jaqra l-ktieb tiegħi Mill-Glorious sal-Vitorja jista’ jsir jaf aktar dwar x’ġara f’dak iż-żmien. Ta’ min ifakkar ukoll dawk il-baħrin li kienu rnexxielhom jidħlu Malta waqt Operation Pedestal fejn ġo Bighi kienu ddaħħlu ħafna mill-baħrin li kienu ġarrbu xi ġrieħi jew mardu waqt din il-missjoni.

F’din l-iskola għaddejna żmien li jġibli nostaġija kbira f’ħajti meta niftakar fi sħabi u f’dawk l-affarijiet li għaddejna minnhom f’dawk l-erba’ snin li qattajna ġewwa Bighi. Minħabba li l-binja ta’ Bighi waqfet topera bħala sptar fl-1970, jiena niftakar li f’kamra minnhom, li kienet fis-sular terran magħluqa n-naħa tax-xatba minn fejn konna nidħlu għall-iskola, kien għad fadal xi sodod tal-ħadid milli kienu jintużaw meta kien għadu sptar.

Għandi rikordji sbieħ ta’ din l-iskola li jibqgħu ttimbrati ma’ qalbi. F’dak iż-żmien l-uniformi tagħna kienet tikkonsisti minn qmis blu skur, kemm tas-sajf kif ukoll ta’ xitwa, u flok qalzett griż konna nilbsu jeans blu. Dan kien iservi ta’ protezzjoni meta konna nkunu qed naħdmu fil-workshops. L-iktar parti li konna niffrekwentaw bla dubbju kien il-ground tal-futbol – mhux tat-terf jew tat-terf sintetiku, iżda pjattaform kbira tal-konkos! Kienet kbira biżżejjed biex konna nistgħu nilagħbu il-futbol 5-a-side.

L-aħħar sena skolastika konna spiċċajna madwar ħmistax-il student f’klassi waħda li kellha l-isem ta’ E4, jiġifieri Electrical year 4. Konna sirna ħaġa waħda qisna aħwa wara tliet snin flimkien, u minħabba li n-numru kien naqas ġmielu konna sirna iktar magħqudin.

Waħda minn dawk l-affarijiet li konna nieħdu gost nagħmlu kienet meta konna ninġabru filgħodu ftit passi bogħod mill-iskola fejn hemm l-appartamenti tal-gvern. Kien hemm grocer zgħir u hemm konna inqattgħu l-ewwel ftit ħin tal-ġurnata fejn konna nixtru xi panina jew tnejn u tal-grocer kien iħawwarhielna b’naqra butir, ġobon u perżut. Konna noqogħdu hemm sakemm isir il-ħin biex nidħlu l-iskola. Wahda mit-trampi li niftakar għamilt jiena kienet dik tal-imbierek żebbuġ mimli, xi ħaġa li għadni nħobb sal-lum il-ġurnata! Ġara li darba fost l-oħrajn iddeċidejna li nixtru kwart żebbuġ mimli biex waqt il-lezzjoni tal-matematika, lezzjoni li konna nħobbu wisq, kien ikollna xi ngerrmu waqt li is-Sur Miceli kien joqgħod jipprietka l-lezzjoni. Malajr gerrimna għax f’nofs lezzjoni l-borża tiegħi, li kienet fil-but tal-qmis, infaqgħet u spiċċajt imtlejt kollni żejt. Il-klassi ġiet riħa ta’ żebbuġ u bid-dahk li daħku sħabi, l-għalliem mill-ewwel induna b’dak li kien ġara u spiċċajt għamilt lezzjoni sħiħa barra l-klassi u fuqi riħa ta’ żebbuġ taqsam! Xorta minn hawn nixtieq nirringrazzja lill-għalliem għax bis-saħħa taż-żebbuġ u ta’ dik il-lezzjoni barra mill-klassi kien ġabni konxju ta’ kemm qed nitlef ħin minn ħajti u bis-saħħa tiegħu rnexieli ngħaddi mill-eżami tal-aħħar tas-sena. Fortunatament kienet l-ewwel darba li kien irnexxieli ngħaddi mill-matematika kemm kont ili hemm! Iżda dak l-eżami li kien jgħodd kollox.

L-iktar ħaġa li ġġibli memorja ta’ dak iż-żmien hija r-rota għax biha konna mmorru lura lejn id-dar, għall-inqas dawk li kienu joqogħdu viċin. Jiena kelli x-xorti li kelli n-nannu tiegħi jgħix Bormla u b’hekk kelli viċin għall-iskola. Id-diski ta’ dawk iż-żminijiet ukoll, tant li meta nismagħhom illum il-gurnata, sitta u għoxrin sena wara, għadhom iġibuli nostaġija u tifkira, fosthom waħda partikulari li kien jisima Things can only get better minħabba li din id-diska kienet ħarġet eżatt meta konna qed nagħmlu l-eżamijiet tal-aħħar tas-sena u kulħadd beda jipprepara ruħu għad-dinja ta’ xogħol.