Minn Charles B. Spiteri
Bin ir-raba’ minn Ħ’Attard u bint ir-raba’ minn San Ġorġ, Ħal Qormi ltaqgħu flimkien u żżewġu permezz tal-ħbiberija li kienet teżisti bejn missirijiethom. Din il-koppja hi magħmula minn Filippo Camilleri u Filomena, li kunjom xbubitha kien Borg. Filippo ngħata dan l-isem għax waqt twelidu, il-lingwa Taljana kienet għadha fl-aqwa tagħha.
Meta Filippo kellu dawk il-15-il sena, safa ltim minn ommu. Ma’ mewtha, fid-dar baqa’ l-missier, Filippo u żewġ ħutu oħra subien. Wara xi sentejn, il-missier kien qed jaħsibha li jerġa’ jiżżewweġ, iżda malajr tajjar il-ħsieb u ħeġġeġ lil Filippo biex jiżżewweġ hu minfloku.
Kien bagħtu Ħal Qormi għand missier Filomena biex iġiblu ftit żerriegħa tal-ħass. Meta wasal għandhom, il-missier daħħlu d-dar u bagħat lil Filomena biex tmur iġġiblu u Filippo ma damx ma nġibed lejha. Hu reġa’ mar għandhom u f’temp ta’ erba’ xhur għaddew in-namur, l-għerusija u ż-żwieġ. F’Mejju ltaqgħu u l-ewwel ħarġa tagħhom kienet xahar wara, fil-festa tas-Santissma Trinita’ tal-Marsa. F’Settembru żżewġu.
Joħorġu bil-‘gwardja’
Bi tbissima ġenwina jirrakkuntaw li dak iż-żmien biex joħorġu ftit, imqar għal passiġġata, kienu jġorru ‘l-gwardja’ magħhom. Iżda fir-rigward tagħhom ma kellhomx perijodu twil ta’ namur u għerusija, li setgħu joqogħdu joħorġu, peress li kif jgħidu, kienu, ż-żwieġ tagħhom kien “mal-ħaġra t-tajn”. Għalhekk, l-aktar li kienu jiltaqgħu kien fid-dar tal-għarusa u joqogħdu miġburin hemm.
Madankollu, Filippo, li hu akkanit sew għall-festi, jirrakkonta li ma kienx ikun hawn festa li ma attendewx għaliha. Kien saħansitra jerfa’ fl-istatwi tal-festa u għadu dilettant kbir sal-lum. Biex jiċċajta qalli li għall-purċissjonijiet kien imur b’purċissjoni oħra, għax magħhom kienu jridu jieħdu lil ħutha.
Filomena żiedet li dak iż-żmien, id-dixxiplina kienet stretta. Huma, li kienu erbatax-il aħwa, kellhom dixxiplina bla swat, iżda jekk missierha kien jordnalha biex f’xi jum ma toħroġx barra mid-dar, kien ikollha tobdi bla mistoqsijiet.
Għall-għerusija kienu xtraw iċ-ċrieket, ħaduhom għand qassis u berikhomlhom.
Fl-1953, meta żżewġu Filippo u Filomena, iċ-ċerimonja taż-żwieġ kienet issir billi jagħtu l-kunsens. Dan għamluh fl-20 ta’ Settembru, billi marru fil-knisja ta’ San Bastjan, iż-żgħira f’Ħal Qormi. Il-kunsens tahulhom Dun Mikiel Balzan, li għamel 25 sena Kappillan ta’ Ħ’Attard u kien ħabib kbir ta’ Filippo.
Meta l-Kappillan Balzan ħa l-aħbar li ħabibu kien se jiżżewweġ, u aktarx li sar jaf min kien se jagħmlilhom xhieda, kien ħeġġeġ lill-għarus biex imur ikellem lill-Kappillan ta’ San Bastjan u jgħidlu bix-xewqa li jieħdu l-kunsens hemm, iżda jagħtihulhom hu (Dun Balzan). Filippo għamel kif qallu, għax il-Kappillan kien il-bniedem li għammdu, żewġu u mbagħad għammidlu ’l-ewwel żewġt itfal.
Għar-repo’ tat-tieġ ħadilhom ħsieb kollox missier Filippo. Ordnalhom ix-xorb u l-ħelu mingħand dulċier mill-Furjana u krielhom garaxx kbir il-Ħamrun bħala sala. Dak iż-żmien, is-swali ta’ llum ma kinux jinstabu. Kulħadd garaxx tal-karrozzi kien jikri.
Xhieda prominenti
Għal-libsa tat-tieġ, Filomena kienet xtrat id-drapp u ħitithielha ħajjata. U jiftakru sew li x-xhieda taż-żwieġ tagħhom kienu żewġ persunaġġi mill-aqwa – il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, George Borg Olivier u l-Avukat tal-Kuruna Joseph Reynauld.
Il-kunsens taż-żwieġ kienu tawh filgħaxija. Wara marru l-Ħamrun għar-ritratt, għand Cassar Photo Studio u minn hemm għas-sala. Kellhom madwar 400 ruħ mistiedna u kien hemm grupp tal-jazz li pprovda l-mużika għaż-żfin. Dak iż-żmien iż-żfin kien moda ħafna. Filippo jiftakar ukoll li l-kont tat-tieġ kien laħħaq dawra ta’ Lm400 – qisu Lm1 kull persuna, li għal dak iż-żmien, meta l-paga kienet ta’ xi Lm2 fil-ġimgħa, kienu flus!
Ħa;a li kienet għadha sseħħ f’ċerti rħulha Maltin, kienet li għall-ewwel lejla, l-għarusa tmur torqod f’dar il-ġenituri tagħha. Għalhekk, wara t-tieġ, Filomena u Filippo marru Ħal Qormi, fejn hu raqad fl-istess karma ma’ ħutha subien u Filomena raqdet ma’ ħutha bniet.
Ma kienx żgur qamar il-għasel, iżda l-użanzi antiki għandu jkollhom ir-rispett tagħhom ukoll. U ma jfissirx li għax ma kienx hemm qamar il-għasel kif nafuh illum, ħajjithom ma kinitx waħda normali. Anzi, meta jħarsu lura, kemm Filippo, kif ukoll Filomena, jistqarru li żmienhom kien isbaħ minn dan ta’ llum, għax il-ħajja kienet aktar trankwilla u kull tentazzjoni kienet għadha imbiegħda.
Wara dak il-lejl marru għall-quddiesa. Filomena semmiet li dari, minħabba t-tqarbin, ma kont tista’ tiekol xejn sa min-nofs il-lejl. Kien għalhekk li l-kunsens kien jingħata filgħaxija, biex wara jsir it-tieġ, li kien jintemm għall-ħabta tal-ħdax ta’ bil-lejl u l-għada jkunu jistgħu jattendu għall-quddiesa. Din semgħuha fil-parroċċa San Gejtanu, l-Ħamrun.
L-akkomodazzjoni
Biex isibu dar fejn imorru joqogħdu ma kellhomx problema. Missier Filippo tahom post minn tiegħu, iżda meta l-iben il-kbir mar joqgħod għalih waħdu u ż-żgħir, li żżewweġ għaxar snin wara Filippo, emigra lejn l-Awstralja, Filomena u Filippo kienu tal-fehma li lil missierhom ma jħalluhx waħdu. Għalhekk marru joqogħdu miegħu.
Ma kinitx xi ħaġa ġdida għal Filomena, peress li sa minn meta żżewġet, hi kienet il-mara fid-dar tal-familja kollha ta’ żewġha, peress li l-omm kienet mietet.
Filippo, li minkejja li għaddew aktar minn 60 sena minn fuqhom għadu jħossu miġbud sew lejn martu, jistqarr li mn’alla kienet hi għalihom, għax dar mingħajr l-omm, b’xi mod tistaġna. Kienet Filomena li mhux biss stinkat u reġgħet tat il-ħajja lid-dar, iżda kienet il-bniedma li awtomatikament saret qisha bint għal missier Filippo u oħt għal ħutu Karmnu u Leli.
Mingħajrha, jgħid Filippo, konna mmorru l-baħar. Filomena hi mara ta’ rispett kbir, tant li baqg[et tindokra u tikkura lil missieru sa ma miet, id-dar.
Hi wkoll għandha kliem ta’ rispett lejn il-kunjatu. Tg[ħid li kien jirreferi għaliha bħala ‘t-tifla’ u minħabba f’hekk, darba mar wieħed għandhom biex ikellem lil Vestru ħalli joħtobha. Vestru beda jidħaq, waqt li qallu li Filomena kienet il-mara ta’ ibnu Filippo.
Mas-snin kellhom tmint itfal, li llum huma lkoll miżżewġin. Joe u martu Margaret għandhom tlett itfal Kevin, Denise u Tyron, Helen, miżżewġa lil Salvu Schembri u għandhom lil Anna, li għandha żewġt itfal. Ġanni, miżżewweġ lil Joan u għandhom lil Jonathan, Marija, mart Salvu Abela, li għandhom erbat itfal, Darren, Keith, Stephanie u Elaine.
Warajhom twieled George, miżżewweġ lil Josephine u għandhom tlett itfal, George, Adrian u Marija; Nathaline, miżżewġa lil Mario Sant u għandhom tliet subien; Ryan, Eric u Clayton; Sylvester, miżżewweġ lil Therese u għandhom żewġt itfal; Karl u Nicholas. Imbagħad l-aħħar tarbija kienet Marika, miżżewġa lil Patrick Agius u għandhom tlett itfal; Martin, Matthew u Claire.
Nanniet ta’ 20
B’hekk, Filippo u Filomena huma nanniet ta’ 20 neputi u neputija u s’issa, bużnanniet ta’ tnejn. L-ewwel żewġt itfal tal-koppja Camilleri, Joe u George Alexander kellhom bħala parrina lil Alexandra Borg Olivier, mart il-Prim Ministru, u hu għalhekk li t-tieni tifel issemma’ George Alexander – għalih u għal martu.
Mistoqsijin x’differenza jaraw bejn it-trobbija ta’ uliedhom u t-trobbija ta’ llum il-koppja Camilleri qalet li din hi waħda kbira ħafna. Dari, il-ħin tal-ġabra u d-dħul id-dar kien xi ħaġa li ħadd ma jikkontestah. Illum, tfal ta’ 12-il sena, joħorġu mid-dar fl-istess ħin li huma kienu jinġabru, u ma jirritornawx qabel sbiħ l-għada. Terġa’ t-tfal ta’ llum jgħidulek mod u jagħmlu ieħor. Iżda f’dik li hi kumdita’ u skola, it-tfal ta’ llum ma jistgħux igorru.
F’għeluq il-25 sena żwieġ, Filippo u Filomena xtaqu jorganizzaw xi ħaġa familjari, iżda peress li missier ir-raġel kien marid, ipposponew. Għalhekk, organizzaw festin fid-dar tagħhom, f’għeluq it-35 sena, reġgħu fakkru ż-żwieġ meta għalqu 40 sena, imbagħad ta’ 50 u s’issa għamlu tal-60 sena wkoll.
Il-quddies li għamluh bħala tifkira taż-żwieġ tagħhom, qaddsuhulhom il-kappillani kollha li kien hemm f’Attard minn żmien Dun Mikiel Balzan ’l hawn.
Għall-mistoqsija fuq x’jaħsbu li żammhom magħqudin dan iż-żmien kollu flimkien – għomor ta’ bniedem – Filomena semmiet iċ-ċediment. Jekk wieħed jew waħda ma jċedux xi ftit lil xulxin, jaf jibda jinbet l-inkwiet.
Filippo jgħid li r-raġuni li l-koppji ta’ llum ma jdumux ma’ xulxin hi, li l-mara m’għadhiex bżonn ir-raġel. Dari l-mara kienet toqgħod id-dar. Illum, hawn ħafna każi fejn il-mara toħroġ taħdem u taqla’ flus aktar minn żewġha. Insibu wkoll nisa li ħadu karriera. U ma’ l-ewwel nuqqas minn żewġha jew ma’ l-ewwel diskors ta’ xi ħadd barrani li jgħidilha “kemm int ħelwa”, malajr taf tibdel it-triq li tkun daħlet għaliha bis-Sagrament taż-Żwieġ. Żiedu li l-bnedmin għandhom jitgħallmu mill-annimali tar-rix, bħall-papri, ħamiem u pappagalli, li bħala sieħeb ikollhom wieħed jew waħda, għal għomorhom kollu.
Finalment, il-koppja Camilleri taqbel li problema oħra li qed jiffaċċjaw l-għarajjes u l-miżżewġin friski hi l-abitazzjoni. Illum kulħadd irid jixtri d-dar fejn joqgħod u l-prezzijiet huma tant esaġerati li jridu jagħmlu għomorhom iħallsu.
Hu għalhekk li għal din il-koppja, iż-żmien imgħoddi tagħhom iqisuh bħala ż-żmien tad-deheb. Temmew jgħiduli li llum, sa minn tfal ċkejknin, għandna ġenerazzjoni li ma tafx xi trid. U dan iwassal biex jitilgħu ma jafux ifasslu sew u jitfarrku aktar tard.