
Il-Palazz Malacañang, jew kif hu magħruf il-Palazz Malacañan, hu r-residenza uffiċjali tal-President tal-Filippini. Il-palazz jinsab fin-naħa ta’ fuq tax-xatt tax-Xmara Pasig f’Manila. Il-kelma ‘Malacañang’ hi referenza għall-amministrazzjoni tal-President jew il-fergħa Eżekuttiva. Illum, il-kumpless jikkonsisti fil-Palazz innifsu; is-sala Bonifacio (li qabel kienet tintuża bħala d-dar tal-mistednin) użata minn Ferdinand E. Marcos u wara mis-suċċessur Corazon C. Aquino bħala l-uffiċċju tagħha u minn Joseph Ejercito Estrada bħala residenza; is-Sala Kalayaan (qabel il-bini eżekuttiv mibni fi żmien l-amministrazzjoni Amerikana); is-Sala Mabini (il-bini tal-Amministrazzjoni) u l-Bini Eżekuttiv Ġdid (mibni mill-President Aquino) kif ukoll binjiet oħra żgħar.
Dar tal-mistrieħ
Faċċata tax-xmara hemm il-Malacañang Park, li jikkonsisti f’golf course, park, kmamar għall-gwardja presidenzjali kif ukoll dar tal-mistrieħ għall-president (Bahay Pangarap) u sala tar-rikreazzjoni mibnija fl-aqwa żmien tal-Commonwealth.
Il-kmamar statali u storiċi qajla jkunu miftuħin għall-pubbliku, għalkemm fiż-żmien ta’ qabel Marcos, speċjalment matul il-ħakma ta’ Ramon Magsaysay, il-Palazz kien jinżamm magħluq u mgħasses b’mod qawwi l-aktar fi żmien ta’ taqlib politiku. Dan peress li kulmin jipprotesta kien jinġabar tul Triq Mendiola u juri fehmtu kontra l-Gvern.
L-etimoloġija uffiċjali għall-isem ta’ dan il-palazz tmur lura għall-1930 u jingħad li ġej mill-frażi Tagalog may lakan diyan, li tfisser “hemmhekk hemm bniedem nobbli”. Kollu hu minnu, għax qabel ma l-Palazz beda jservi bħala r-residenza tal-Kap Eżekuttiv tan-nazzjon, kien id-dar ta’ merkant Spanjol sinjur ferm.
Min-naħa l-oħra l-Ispanjoli jgħidu li l-isem hu ġej minn ‘Mamalakaya’; għas-sajjieda li fl-antik kienu jifirxu l-qabda tagħhom, fil-kisra tax-xmara fejn illum hemm il-Palazz.
Fl-Intramuros
Hu x’inhu l-oriġini, ħadd ma jmeri li l-kelma Malacañang hi Spanjola.
Qabel l-indipendenza ta’ Spanja l-Ġdida, mnejn il-Filippini kienu ggvernati, il-Ġeneral Spanjol u wara l-Ġeneral tal-Filippini, kienu joqogħdu bid-dar fil-belt magħluqa Intramuros f’Manila. Iżda damu hemm biss sa ma terremot waqqa l-Palazz tal-Gvernatur (Palacio del Gobernador) fl-1869. Minn dak iż-żmien, il-Palazz Malacañang, dar tas-sajf, oriġinarjament mibnija fl-1802 mill-aristokratiku Spanjol Don Luis Rocha, li mbagħad xtraha uffiċjal u wara nxtrat mill-istat, saret ir-residenza temporanja tal-Gvernaturi Ġenerali. L-ewwel Gvernatur Spanjol li okkupa l-Palazz Maolacanang kien il-Gvernatur Ġenerali Rafael de Echague y Bermingham, li qabel kien gvernatur ta’ Puerto Rico.
Meta l-Filippini waqgħu taħt il-ħakma Amerikana wara l-gwerra Spanjola-Amerikana, il-Palazz Malacañang sar ir-residenza tal-Gvernatur Ġeneralil Amerikan. Kien William Howard Taft, li fl-1900 sar l-ewwel Gvernatur Ċivili Amerikan li mar joqgħod fil-Palazz. Fi żmienu l-Palazz tkabbar u wara żdied bini eżekuttiv mill-Gvernaturi Ġenerali Francis Burton Harrison u Dwight Davis.
Okkupazzjoni Filippina
Meta fil-15 ta’ Novembru, 1935 twaqqaf il-Commonwealth tal-Filippini, il-bini għadda f’idejn il-President tal-pajjiż. L-ewwel President tal-Filippini li okkupah kien Manuel L. Quezon. Minn dakinhar ’l hawn il-Palazz baqa’ jinżamm bħala r-residenza uffiċjali tal-President.
Hekk kif Ramon Magsaysay laħaq President ħareġ ordni eżekuttiva biex bidel l-isem minn Malacañang Palace għal Malacañang: Ir-Residenza tal-President tal-Filippini. Dan l-isem qabad malajr u nżamm sa ma ġie abbandunat informalment mill-amministrazzjoni Marcos.
Matul l-amministrazzjoni tal-President Corazon Aquino, u għal raġunijiet storiċi, il-politika tal-gvern riedet tagħmel distinzjoni bejn il-Palazz Malacanan, ir-residenza uffiċjali tal-President, u Malacañang, l-uffiċċju tal-President.
Il-Palazz sar magħruf bħala d-dar tal-President Ferdinand u Imelda Marcos, li kienu l-aktar nies li għexu fih – mill-1965 sal-1986. Bħala first lady, is-Sinjura Marcos rat il-bini mill-ġdid tal-palazz skont il-gosti estravaganti tagħha. Bl-espansjoni li saret, ittieħed ukoll il-bini tal-Birrerija San Miguel. Wara l-protesti u l-irvell mill-istudenti, li waslu sal-gradi tal-palazz, fil-bidu tas-sebgħinijiet, ġiet dikjarata l-liġi marzjali u l-kumpless ingħalaq għall-pubbliku. Iżda meta l-President Marcos tneħħa mis-setgħa, il-kumpless imtela bin-nies tal-lokal u l-ġurnalisti internazzjonali setgħu juri l-ħajja lussuża li kienet qed tgħix fiha l-familja Marcos, kif ukoll il-kollezzjoni ta’ min jistmerrha, ta’ eluf ta’ żraben li kellha s-Sinjura Marcos.




