L-imħabba ġġibu lura mill-Awstralja għax-xbejba li tefa’ għajnejh fuqha

Charles B. Spiteri

altMinn Charles B. Spiteri

Joseph, li ħafna jafuh bil-laqam tal-lanċa, twieled is-Siġġiewi, iżda l-familja tiegħu marret toqgħod Ħaż-Żebbuġ meta hu kien għadu tarbija. L-ewwel kienu joqogħdu fi Triq Ebona u eventwalment fi Triq de Rohan. Min-naħa tagħha, Teresa hi Żebbuġija proprja, dejjem għexet hemm, u ġejja mir-razza pjuttost kbira magħrufa bħala tal-kaxxettier.

Meta kien għad kellu dawk il-15-il sena, Joseph beda jinnota lil Teresa, xbejba sabiħa u kwieta. Kien beda jilgħab bħala goalkeeper ma’ Żebbuġ Rangers; li f’dak iż-żmien kellhom il-każin fi Triq il-Kbira, eżatt maġenb id-dar fejn kienet toqgħod Teresa. Induna li filgħaxijiet fis-sajf, il-familja ta’ Teresa kellhom id-drawwa jitilgħu għall-arja fuq il-bejt tad-dar. Allura Joseph beda jitla’ fuq il-bejt tal-każin tal-futbol, idoqq il-kitarra u jkanta ma sħabu, filwaqt li jimraħ lejn il-bejt l-ieħor.

Meta sar jaf li ta’ kull filgħodu kienet tmur ma’ ommha Agnes u ma’oħtha Carmena għall-quddiesa tas-sitta, beda jmur hu ukoll l-istess quddiesa biex ikun jista’ jaraha aktar. Darba sar jaf li Teresa kienet se toqgħod bridesmaid f’tieġ, u daħal fis-sala tar-riċeviment bla ma kien mistieden u talabha tiżfen miegħu. Aktar tard, billi kien jaf li Teresa kienet ħajjata flimkien ma’oħtha fid-dar tagħhom, biex aktar jipprova jaqbad magħha, mar jistaqsiha tħitlux qmis.

Teresa tirrakkonta li hi u oħtha kienu tgħallmu l-ħjata mingħand oħt Dun Salv Caruana, li kienet ħajjata prima. Teresa kienu tlett aħwa, żewġt ibniet u tifel, Ġużeppi. Missierha Philip miet ta’ 34 sena u ħallieha ltima minnu meta kellha biss ħames snin. Allura daħal jgħin jieħu ħsiebhom zijuha Manwel Azzopardi, Superjur tal-MUSEUM li kien involut fit-twaqqif tal-fergħat tas-Soċjeta’ fis-Siġġiewi, H’Attard u r-Rabat. Tgħid li meta Joseph kellimha għall-ewwel darba ma tantx tat kas tiegħu, għax kienet tarah moħħ ir-riħ.

Joseph jammetti li, meta kien żgħir, kien xi ftit fuq tiegħu. Kien dilettant kbir tal-muturi u kellu Matchless 350 u Norton 650, minbarra li kien itellaq muturi anki akbar għal ħaddieħor, fit-triq tal-Armier u f’postijiet oħra. Darba kellu inċident ikrah u spiċċa mweġġa’ serjament. Ittieħed l-isptar, iżda fortunatament irkupra.

Jemigra

Meta irrealizza li ma kienx qed jagħmel progress bit-tentattivi tiegħu, Joseph ħadha bi kbira u ddeċieda li jemigra lejn l-Awstralja. Sab lil ommha u qalilha, u din tagħtu tweġiba xotta; “il-vjaġġ it-tajjeb”. Mar u dam xahar sħiħ sa ma wasal bil-vapur. Hemmhekk għamel tliet snin. Kien jaħdem ma’ Nuffield’s tal-karozzi u sa kiseb il-liċenzja ta’ pilota tal-ajruplani żgħar. Iżda ma’ kull kisba li għamel, lil Teresa ma seta’ jinsieha qatt.

Kien jistaqsi għal aħbar Teresa lill-emigranti Maltin ġodda li jaslu fl-Awstralja u li jkunu marru minn Ħaż-Żebbuġ. Darba, wieħed li ma fehemx eżatt għal min kien qed jirreferi, qallu li dik kienet iżżewġet. Dakinhar filgħaxija, Joseph siker sakra nobis u kisser kulma kien hemm fl-appartament fejn kien joqgħod ma’ ġuvintur oħra sħabu.

Għadda ftit taż-żmien, u wieħed mill-ħbieb Żebbuġin ta’ Joseph fl-Awstralja niżel Malta għal vaganza, għall-ħabta tal-festa ta’ San Filep. Meta rritorna l-Awstralja ltaqa’ ma’ Joseph u qallu li, mhux talli Teresa ma kinitx iżżewġet, talli saħansitra kienet għadha xebba weħidha. Aċċerta lil Joseph dwar dan, għax qallu li anki ma’ familjari tagħha tkellem.

Jirritorna u jitgħarrsu

altGħalhekk dak il-ħin stess Joseph qatagħha li jiġi Malta u jipproponi ż-żwieġ lil Teresa. Jekk tgħidlu le, kien deċiż jerġa’ lura lejn l-Awstralja għal dejjem. Fittex l-għajnuna u immobilizza xi qraba u ġirien tagħha biex jgħaddulu kelma ma’ ommha. Qalilhom li hu kien għadu interessat f’Teresa.

Meta Teresa ndunat kemm l-intenzjonijiet ta’ Joseph lejha kienu sinċieri u serji, allura qablet li tibda toħroġ miegħu, iżda b’żewġ kundizzjonijiet: waħda li jaqta’ l-muturi, u l-oħra li jibqgħu Malta. Ferħan se jtir, Joseph aċċetta minnufiħ, daħal għarus u f’anqas minn sena żżewġu.

Sadanattant f’Malta, Joseph sab xogħol ta’ għalliem fl-iskola tal-Gvern ta’ Ħaż-Żebbuġ, iżda’ fil-vaganzi tas-sajf sar jaf li l-membri tal-militar Ingliż f’Malta dak iż-żmien kellhom paga bil-wisq aħjar mill-Ħaddiema tal-Gvern u tal-partikular. Għalhekk telaq minn għalliem u daħal fl-armata, fir-riġment tal-artillerija (RMA). Spiċċa biex għadda ħamsa u tletin sena f’dan ix-xogħol, tnax taħt l-Ingliżi u l-bqija fil-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) fejn irtira bir-rank ta’ Surġent Maġġur (RSM).

Akkumpanjati minn ommha

Kemm damu għarajjes, il-ħruġ tagħhom dejjem kien ikun akkumpanjat minn ommha. Issa Joseph kellu karozza tat-tip Studebaker. Dak iż-żmien ħaġa bħal din kienet pjuttost rari u fil-fatt Joseph jiftakar li kienu biss erba’ ġuvintur fir-raħal kollu li kellhom karozza. Normalment hu kien iħobb jipparkjaha quddiem id-dar ta’ Tereza. Darba qalilha tmur miegħu biex jipparkja l-karozza fil-garaxx. Din marret, u Joseph jistqarr li kienet l-unika darba li kellhom ftit minuti weħidhom flimkien tul l-għerusija kollha. Iżda meta waslu lura d-dar ta’ ommha, din uriethom ċar li ma ħadet gost xejn u ġabitha bi kbira mmens.

Teresa tkompli tirrakkonta li meta Joseph kien jeħodhom xi dawra bil-karozza tiegħu, hi u oħtha kien ikollhom jintasbu dejjem fuq is-seat ta’ wara u ommhom toqgħod quddiem, maġenb Joseph.

Żwieġ

Meta beda joqrob it-tieġ, Teresa u oħtha ħietu l-ilbiesi kollha għall-okkażjoni huma stess, minn dik tal-għarusa għal dawk tal-membri tal-familja. Peress li d-dar fejn kienet toqgħod Teresa kienet bi tliet sulari, iz-ziju tagħha offrielhom li jkollhom is-sular tan-nofs għalihom. U Joseph u Teresa baqgħu jgħixu f’din id-dar sal-lum.

altJiftakru li l-karozzi għat-tieġ krewhom mingħand tal-Coronation Bar. Bħala sala, krew waħda f’Ħaż-Żebbuġ fl-istess triq fejn kienet toqgħod Teresa, u kellhom ukoll orkestra għad-daqq u żfin. Kien iż-żmien li kienet għadha qed tidħol f’Malta l-użanza tal-wedding cake u, għax kellhom wieħed, kienet qisha xi ħaġa kbira għall-mistednin.

Intant, Joseph u Teresa ingħaqdu fis-Sagrament taż-Żwieġ fil-knisja parrokjali ta’ San Filep f’Haż-Żebbuġ fil-quddiesa tat-tmienja ta’ filgħodu, nhar il-Ħadd 8 ta’ Frar, 1959, li ħabat jum il-karnival. Żewwiġhom Dun Salv Caruana. Eżatt wara l-quddiesa marru għand Blackman għar-ritratt fl-istudio kif kien isir dak iż-żmien, u wara fis-sala kellhom fotografu ieħor li ġibdilhom ir-ritratti għall-album li għandhom u għadhom jgħożżu.

Ir-riċeviment baqa’ għaddej sa wara nofsinhar u kif intemm kollox, bħala qamar il-għasel, Joseph u martu Teresa marru s’għand oħtu Inez fil-Gżira. Teresa spjegat li huma ma tantx setgħu imorru qamar il-għasel, peress li hi kellha tkompli tagħmel ix-xogħol tal-ħjata li kellhom ordnat min-nies. Aktar tard, kif kienet id-drawwa dak iż-żmien, omm Teresa qalet lil Joseph biex imur jorqod fid-dar ta’ missieru għal xi ġimgħa oħra, iżda hu irrifjuta definittivament; issa li Teresa fl-aħħar kienet martu, ma kienx beħsiebu joqgħod ’il bogħod minnha.

Familja

Wara għaxar xhur miż-żwieġ kellhom l-ewwel tarbija, Carmen, li llum hi miżżewġa lil Edgar u għandhom żewġt itfal, Marilena u Alex. Dawn ilhom 17-il sena emigrati l-Belgju, peress li r-raġel sab xogħol fl-Aġenzija tal-EuroControl hemmhekk, u eventwalment Carmen u bintha daħlu jaħdmu mal-Kummissjoni Ewropea. Wara kellhom tifla oħra, Elizabeth, miżżewġa lil Nigel u tinsab Singapore. It-tielet wild, Philip, hu inġinier u Direttur fis-Servizz Pubbliku, miżżewweġ lil Nathalie u għandhom tifel jismu Robert. Imbagħad hemm Hilda, miżżewġa lill-vjolinista George Curmi “l-Puse’” u għandhom tlett itfal, li huma Miriana, Joseph u Bernard. Fl-aħħar ġie Craig, illum accountant u Manager mad-Deloitte, miżżewweġ lil Claudine u għandhom tarbija ta’ ftit ġimgħat jisimha Elizabeth. Joseph u Teresa huma ferħanin ferm b’xulxin u kburin bil-familja li rabbew u li issa qed tiżdied.

Dixxiplina u reliġjon

Mitlubin jagħtu l-fehma tagħhom fuq id-dixxiplina fil-passat u llum, il-koppja Schembri stqarrew li fi żmienhom, f’pajjiżna kien hawn sens ċiviku u dixxiplina stretta, li llaxkaw sew maż-żmien. Fejn tidħol dixxiplina spiritwali, Joseph ifaħħar lis-Soċjetà tal-MUSEUM, li għenet lil bosta żgħażagħ fil-formazzjoni tagħhom għall-ħajja. Kemm Joseph kif ukoll Teresa isemmu wkoll li minn tfulithom sal-lum rari tilfu quddiesa jew naqsu milli jgħidu r-rużarju. Joseph jistqarr li l-uniku żmien meta ma setax jattendi quddiesa kien xi drabi meta kien imsiefer, għax mill-bqija dejjem mar. Mhux biss, talli kemm ilha li nfetħet il-Kappella taċ-Ċenaklu fiċ-ċentru ta’ Ħaż-Żebbuġ, jgħin billi xi kultant jalgħaqha hu tard filgħaxija.

Sorpriża tal-50 Anniversarju

altF’għeluq il-50 sena miż-żwieġ tagħhom, uliedhom li għadhom Malta għamlulhom sorpriża. Għat-8 ta’ Frar 2009, li nzerta l-Ħadd u għalhekk eżatt bħal fit-tieġ tagħhom, organizzaw għalihom il-quddiesa tal-11 ta’ filgħodu fil-knisja ta’ San Filep, fejn kienu żżewġu. F’dak il-ħin kien hemm ħafna nies, u xħin Joseph u Teresa daħlu l-knisja sabu għalihom żewġ siġġijiet bil-bellus aħmar armati fin-nofs quddiem l-artal, bħal ta’ żewġ għarajjes friski. Għall-ewwel Teresa tgħidx kemm stħat, iżda s-sens ċajtier ta’ Joseph għamlilha l-kuraġġ u kollox mexa kif suppost. Dun Alfred Agius qaddes il-quddiesa b’radd ta’ ħajr għal kull m’ghamel Alla għalihom tul dawn is-snin kollha, u għamlilhom diskors tal-omelija li apprezzaw ħafna. Wara, il-familja marret flimkien għal ikla f’ristorant.

Bħala messaġġ lill-koppji tal-llum, Joseph jgħidilhom ma joqgħodux ’il-bogħod minn Alla l-Imbierek u jitolbuh iżomm idejh fuqhom, għax kollox jiddependi minnu. Teresa tħeġġiġhom biex joqogħdu bil-għaqal u jkunu beżlin, għax tqis li b’dawn il-kwalitajiet jista’ jkollhom ħajja aħjar u feliċi.