Minn tank tal-gwerra għal vettura ta’ ħeffa kbira

Dan it-tank tal-gwerra kapaċi jtella’ veloċità minn zero sa 60 fi 3.5 sekondi, meta jinstaq bi 80 mil fis-siegħa fuq kull tip ta’ art. Kumpanija Amerikana qed tbigħ dawn it-tankijiet ta’ saħħa enormi, li qabel kienu jintużaw għall-militar, bħala ‘vetturi lussużi’, għal dawk li lesti jħallu ftit mijiet ta’ eluf ta’ dollari. Minn tank tal-gwerra għal vettura ta’ ħeffa kbira BDL Books

B’dehra li tixbah ftit lil Batmobile u moon buggy, ir-Ripsaw Extreme Vehicle 2  inħadem b’mod li sar vettura lussuża ta’ qawwa kbira, imfittxa ferm fid-dinja kollha. Dan, skont l-iżviluppaturi tagħhom Howe & Howe Technologies. Disinjata oriġinarjament għall-militar Amerikan, biex tintuża bħala vettura ta’ ħeffa mmensa, baqgħet l-iktar vettura li tiġri kull fejn tinsaq.

Dan is-suppost tank tal-gwerra għandu suspensjoni mill-aqwa, lussu enormi fuq ġewwa u jġorr magna diesel ta’ 600 horsepower. L-armar għall-użu fil-gwerra,  kif ukoll il-kanun, tneħħew. B’hekk il-vettura ġiet eħfef għall-magna li għandha, u jingħad li fil-ġiri tagħha kapaċi tisfida lil kull karozza sportiva li teżisti.

Kelliem tal-kumpanija li qed tipproduċihom mill-ġdid qal li vettura simili tieħu madwar sitt xhur biex tkun lesta, u l-prezz li jintalab ikun skond il-lussu mixtieq li jkollha. Qal li b’waħda minnhom tkun tista’ ssuq fuq is-silġ, il-borra, fid-deżert u wkoll f’toroq bħal tagħna.
Mur ara tiġi Malta u titla’ għall-VRT, jew toħroġ biha u tinqabad fit-traffiku!