Il-moħħ mhux dejjem jixgħel il-ħin kollu. Hemm waqtiet meta xi kantunieri ma jarahomx u b’hekk issir ħabta: ħabta tal-moħħ jiġifieri jew ikun nesa jew qabeż xi mġiba jew kliem.
Tiġri li tgħaddi minn triq bosta drabi u xi ħadd isemmilek li hemm lapida jew mafkar u int maħsub tifhem li qatt ma rajtu qabel qribek, ħdejk, taħtek u ma lmaħtux.
Kull tant żmien il-moħħ irid rifda,jeħtieġ għajnuna biex iżomm ġdid, fuq ruħu, ċar.
Dawn ikunu kitbiet ċkejkna ’l hemm u ’l hawn. Għajnuniet ta’ ħwejjeġ differenti, ilwien, daqs ħoss biex ma jgħaddix iż-żmien u l-ġrajja għal qalbek ma’ sseħħx.
Għaliex għandna kemm il-mafkar Malta u Għawdex? Biex ikollna ċar x’ġara u bis-saħħa ta’ min seħħ.
Ukoll il-bnedmin qrib tagħna għidulhom għeżież jekk tridu jew maħbubin jekk jaqbel, jew qraba jekk jgħid id-demm. Dawn ikunu ħdejna u ma nintebħux, inħarsu u ma narawx. U dan għax m’aħniex naraw tagħna biss; inħossu tagħna biss; nifirħu b’tagħna biss; nibku b’tagħna biss.
Jinqala’ l-għawġ, jintemmu ħbiberiji għax kulħadd għal riħu u TABILĦAQQ ma ntebaħx .
Qum minn nagħas u l-ħedla: taf x’inhu jsir madwarek? Qed tonqos lil xi ħadd li għandu jeddgħal ħinek; għall-għożża tiegħek; għall għajnuna; għall-flus li għandek tagħtih?
Moħħok hemm xħin tgħid il-kelma ‘tabilħaqq’ jista’ jkun li dak li ġara ġara u ma tistax iġġibu sew. Aħseb issa biex fis-siegħa tal-prova ma toħroġx tellief.
Kultant, lil moħħok agħtih tiġbida ta’ mħabba!