It-tqaxxir tal-leħja

Fid-dar għadna bil-buqari u l-friskaturi għall-ilma. Taħt il-vitien għandna t-trepied tal-ħadid u fuqu friskatur tal-enamel. Fil-kmamar tas-sodda, għandna l-lavamani tal-kewba, bil-wiċċ tal-irħam b’toqba kbira tonda fiha. Hawnhekk jidħol il-friskatur taċ-ċaqquf, waqt li fil-ġenb tal-irħama, jitqiegħed il-buqar pariġġ.

Ta’ kull filgħodu, meta nqum, immur naħsel wiċċi fil-kamra tal-banju, li tikkonsisti f’WC, u trepied bil-friskatur tal-enamel. Iz-ziju Fred juża l-ilma li għandu fil-buqar tal-lavaman, li jferrgħu fil-friskatur. Ix-xugaman jużah għalih waħdu u wara li jlesti minnu jitwih pulit mill-ġdid u jqegħidu fuq il-buqar.

Lin-nannu ma nilħqu qatt iqum jaħsel wiċċu, għax iqum ferm qabli, iżda wiċċu dejjem nadif u lixx. Lanqas leħja ma taralu. Bilfors li jqaxxarha filgħodu kmieni. Naf li għandu pinzell bħal taz-ziju Fred u naf ukoll li juża x-xafra tal-marka Nacet.

Jien ma nħobbx immiss dawn ix-xfafar, għax fuq il-karta tagħhom jidher kukkudrill kbir u xafra minnhom qed taqtagħlu rasu! Aħseb u ara x’tagħmilli lil subgħajja!

’L isfel minna hawn ħanut ta’Ġorġ Pintley li jinsab fil-kantuniera ma’ Sqaq Miggiani. Fost ħafna affarijiet oħra, Ġorġ ibigħ is-sapun tal-leħja, bħalma juża n-nannu, bl-użin. Bi ftit minnu mal-pinzell, tgħidx kemm titla’ rawgħa!

Iz-ziju Fred ma jużax xfafar. Darba iva u darba le, narah jagħmel il-leħja. Juża mus apposta. Fil-kamra tas-sodda, maġenb il-lavaman għandu stand twil tal-injam li ma ’fuq nett tiegħu hemm grampun. Miegħu idendel mera ħoxna bi kwadrant tal-injam ta’ xi pulzier. Is-sapun tal-leħja li juża z-ziju Fred għandu għamla pulita. Mhux minn tal-użin iżda jixtrih f’bott tal-landa blu skur. L-isem tiegħu hu Erasmic. Ifuħ ħafna meta jagħmlu ma’wiċċu.

Qabel ma jkollu wiċċu kollu rawgħa, iz-ziju Fred isinn il-mus. Jagħlaq il-kontraporta ta’ bieba  waħda tal-bieb tal-kamra tas-sodda bil-firrolli għax wara din il-bieba għandu biċċa ġilda twila, apposta, biex magħha jsinn il-mus. Din il-ġilda tinsab marbuta min-naħa minnhom. It-tarf l-ieħor jaqbdu b’idu x-xellugija u bil-mus fl-id l-oħra jsinn naħa hu u jtella’ idu ’l fuq u n-naħa l-oħra meta jinżel lura. Jagħmel hekk xi sitt darbiet.

Imbagħad għandu qisha lembuba, iżda flok b’żewġ mankijiet, b’manku wieħed u flok tonda, ċatta. Din hi magħmula minn speċi ta’ sufra ħoxna, u wara li jsinn il-mus mal-ġilda, jgħaddi ġenb u wara ieħor minn fuqha. Ladarba dan ix-xogħol ilestih, ikun jista’ jagħmel is-sapun ma’ wiċċu u jibda jqaxxar.

Ikollu kollox lest miegħu. Għal-leħja, flok ma juża ilma kiesaħ, kif nagħmel jien u wkoll hu meta jaħsel wiċċu, ikollu stanjata bil-misħun u jferrgħu fil-friskatur. Dan il-misħun tlestihulu z-zija Connie, fuq il-kuċinieri, isfel.

Idejn iz-ziju Fred huma tal-għaġeb, għax fejn taf b’liema mod iduru ma’ wiċċu kollu hu u jqaxxar il-leħja. U bil-mus ma tilgħabx! L-ewwel nett għax hu perikoluż aktar mix-xafra ċ-ċkejkna u wkoll għax peress li hu ikbar, jaf jaqta’ iktar malajr.

Kemm in-nannu, kif ukoll iz-ziju Fred għandhom qisha silġa. Fit-togħma mielħa wisq. Huma jużawha biex iwaqqfu d-demm li joħorġilhom jekk jolqtu wiċċhom. Jgħidulha ‘xedd il-ġmied’.

Wara t-tqaxxira tal-leħja ngħid liz-ziju Fred biex immisslu wiċċu. Il-istrina, kemm hu lixx u jiżloq! La nikber ma nużax xfafar. Bil-mus, il-wiċċ jiġi isbaħu tqaxxira bih iddum iżjed!

Kultant, meta mmur għand Ġeraldu naqta’ xagħri, ġieli jmissli n-naħa t’isfel tal-barbetti  u n-naħa ta’ wara ta’ għonqu bil-mus tiegħu. Kif narah f’idu, nisserja u noqgħod dritt stirat, li ma jmurx jolqotni ħażin. L-iskola, mhux darba u tnejn li meta xi ħadd jaqta’ xi mistoqsija diffiċli tal-għalliem, ngħidulu li “jaqta’ daqs mus tal-leħja!” Allura, xi trid aktar?!