
Andrew Hawes ta’ 43 sena, li ddejjaq bil-ħmieġ tal-klieb li ta’ kuljum iħammġu t-toroq fejn joqgħod, qed jilbes ilbies camouflage u jistaħba qalb l-arbuxelli fil-park ta’ Leiston, f’Suffolk, bl-iskop li jiġbed ritratti ta’ dawk is-sidien tal-klieb li ma jiġbrux il-ħmieġ li jagħmlu fl-art.
Meta jara lil xi ħadd iħalli l-ħmieġ mal-art, joħroġ fid-dieher u jhedded lil sidien il-klieb li jirrappurtahom jekk ma jnaddfux il-ħmieġ. Min ma jismax bil-kelma t-tajba, jiġi rrappurtat lill-pulizija, li joħorġu ċ-ċitazzjonijiet.

Hu u l-ġirien tiegħu jqattgħu ħin konsiderevoli jnaddfu l-ħmieġ tal-klieb ta’ ħaddieħor, u l-għada jerġgħu jsibu ħmieġ ieħor. Issa waqqfu grupp li l-membri tiegħu jagħmlu ronda regolari biex is-sidien jindunaw bihom u jiġbru l-ħmieġ tal-klieb tagħhom.
Mistoqsi dwar ix-xogħol li qed iwettaq ‘bil-moħbi’ hu qal li l-pulizija qalulu li mhux illegali, għax qed iwettaq ħidma ta’ CCTV u huma jimxu fuq ix-xhieda li jkollhom. Kull ċitazzjoni tiswa lis-sid maħmuġ u traskurat ta’ kelb is-somma ta’ €115.