Għanqbuta

Joseph Henry Abela, Qassis

altMa nafx għaliex l-għanqbuta ssaħħarni ! Kont iżgħar u niftakarni nara ritratt ta’ waħda bejn il-weraq u s-sbuħija u n-nisġa fihom gost.

Naħseb li r-riħa tal-bottijiet li jeqirdu d-dubbien u n-nemus iddejjaqna u l-għanqbuta taqbad id-dubbien u n-nemus bla riħa u l-brimba tikolhom. In-natura madwarna tressqilna ħafna sbuħija u reqqa ta’ xogħol u ġmiel, ward, zkuk, siġar, ħamrija, widien, ilma, għelieqi. Min għajnejh miftuħa u mhux magħluq fih innifsu jara, jilmaħ, jifli, jgħarrex u jgħożż.

Imma l-għanqbuta ta’ min jgħarbilha: x-xogħol li fiha; is-sogru tal-brimba hi u tixxengel biex tibda l-għanqbuta. Għanqbuta fir-rokna tejn biex teħilsek mid-dubbien u n-nemus u tajba, u jekk tista’ teqridhiex.

Għanqbuta fil-moħħ ma tridhiex. Min għandu l-għanqbut f’moħħu mhux lakemm tfiehmu, mhux malajr jisma, mhux ħafif biex jaqtagħha. U għalhekk jista’ jew tista’ ġġib tbatija u wġiegħ lil ta’ madwaru. Dejjem kien hemm it-tingis – l-uġigħ imma meta ma jifhmukx tinkedd, meta tipprova tidħol f’moħħ u ssib ix-xtiebi, bibien magħluqa, msakkrin u ssiġġilati, taqta’ nifsek !

Min jaqra ktieb ma jkollux għanqbut għax jaħseb, min jitħallat, rexti, tertuqa, laqgħat, briju, moħħu jkollu l-wisgħa biex jerħi, jidħaq, jifraħ; ma jibqax mhux imfarfar. Moħħok għandu bżonn tfarfira mill-għanqbut. Aktarx li le jekk qrajt dan il-ktieb sa l-aħħar tikka.