Waqfiet

Joseph Henry Abela, Qassis

altBilqiegħda taħseb u tfassal, taqtagħha li tibda tonfoq, tinvesti, tidħol bi sħab.

Tiġi l-mewt ma’ wiċċek ta’ ħabib, jew mard, jew dejn, jew nfiq għal għarrieda u jkollok taqleb, iddawwar, tinsa u tibda xi ħaġa oħra.

Kieku kellna nibqgħu għaddejjin bil-ħsibijiet tagħna, konna naħsbu li konna nkunu aħjar. Imma meta noqogħdu naħsbu u nixtarru, nsibu li dawk il-waqfiet li rajniehom xkiel u dwejjaq u taħbit, kienu dawk li fetħulna moħħna u qalbna.

Kemm-il tfajla ħabbejt u wrietek il ġenna, u telqitek, u sabbtitlek il-bieb ta’ qalbha, u rajt id-dinja ddur u xrobt biex tinsa, u wara sibt oħra aħjar u aqwa, li għadha timlielek qalbek.

Kemm-il raġel iggustajt, u nġbidt lejh, u wiegħdek il-bqija ta’ ħajtu, u sibt li dan ma kienx minnu, u daż-żmien iltqajt ma’ dak li riedek u għaraft li t-tnejn tiftiehmu u tinġiebu.

Kull waqfa li jkollok bit-taħwid jew tieħu tkaxkira, jew tkun bandla li terfgħek.

Kemm-il pasiġġier ġera u ħaffef biex jilħaq it-titjira u ma laħaqx, u wara l-ajruplan iġġarraf; hu baqa’ jgħożż ħajtu.

Bi ftit ħsieb u għaqal iddur ma’ kull kantuniera, u toħroġ minn kull rokna, mhux għax hemm tarf għal kollox, imma ħajtek għandek tqisha bħal għażla ċkejkna, kull jum li jserrep u tagħqad sa ma tasal fejn tixtieq qalbek !