Fil-Ħanut tal-Kotba

Charmaine Tanti M.A.
Darba fost l-oħrajn, il-mamà marret il-Belt biex tixtri rigal għal għeluq snin in-nannu Ġużi. Luca u Elise qamu kmieni u marru magħha. Kif waslu, xammew riħa tfuħ ta’ mqaret. Il-mamà xtratilhom borża mqaret sħan u bnini, li niżlulhom għasel. Wara, komplew mexjin sakemm waslu quddiem il-ħanut tal-kotba. Malli daħlu, sabu quddiemhom kull xkaffa daqsiex mimlija bil-kotba ta’ kull daqs u għamla. Il-mamà staqsiet lil sid il-ħanut biex juriha l-kotba tal-istorja. Hija nfixlet bl-għadd kbir ta’ kotba li rat quddiem għajnejha, u riedet tiflihom sew qabel tagħmel l-għażla tagħha. 
Sadanittant, Elise u Luca qagħdu jduru mal-ħanut u jaraw xi kotba, iżda malajr bdew jixbgħu. F’daqqa waħda, lemħu bieb ftit `il bogħod mill-aħħar xkaffa. Ġrew lejh, u ma damux wisq jilagħbu mal-pum għax il-bieb infetaħ beraħ. Huma daħlu jiġru f’kamra mudlama tal-imbarazz u għalqu l-bieb minnufih ma jmurx jarahom xi ħadd. Bdew jidħku kemm jifilħu għax kienu ħarbulha lill-mamà, li kienet għadha mgħaddsa fil-kotba, u ttella’ u tniżżel liema wieħed se tixtri.
Meta sa fl-aħħar, il-mamà kienet għażlet il-ktieb, hija nqalgħet minn mal-ixkaffa. Bdiet tfittex lil Luca u lil Elise ma’ kullimkien, iżda ma sabithomx. Tatha rasha, u sid il-ħanut mar biex jgħinha. Dar ma’ kull rokna, imma t-tfal ma kienu jidhru mkien. Huwa beda jħokk rasu u kieku dak il-ħin kont taqtgħalha rasha, lill-mamà ma kinitx toħorġilha qatra demm. Elise u Luca kienu qegħdin jisimgħu kollox minn wara l-bieb, iżda riedu jibqgħu moħbijin hemm ġew għal ftit ħin ieħor.
Wara ftit, sid il-ħanut deherlu li sema’ xi ħsejjes, u qalbu għamlet tikk. Mar jiftaħ il-bieb tal-kamra, u kien għoddu nħasad hekk kif ra lil Luca u lil Elise ma’ wiċċu. Huma ħarġu jiġru `l barra, u l-mamà tathom ħasla papali talli kienu tawha qatgħa bla ħsieb. Anki sid il-ħanut wissiehom biex jobdu u ma jinkwetawx lill-mamà. It-tfal baqgħu ċċassati lejh u ma tkellmu xejn. Il-mamà ntebħet li kienu qegħdin jistħu wara t-twiddiba li qalgħu. Għalhekk hija qaltilhom biex jagħżlu ktieb sabiħ kull wieħed. Dakinhar nefqet flus aktar milli stenniet, imma aħjar għamlet hekk ħalli Elise u Luca jintilfu jaqraw minflok jagħmlu xi praspura oħra.