Il-Kejk u l-Biskuttini tal-Arċipriet

Charmaine Tanti M.A.
L-erbgħin jum tar-Randan kienu gerbu ġimgħa wara ġimgħa. Il-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir kienu ċċelebrati bis-solennità li tixirqilhom. Addijo bajd tal-Għid u figolli! Issa t-temp kien jibbnazza dejjem iżjed. Kien beda żmien it-tberik tal-familji wkoll. L-uffiċċju parrokkjali qassam fuljett f’kull dar bid-dati tat-tberik għal kull triq fir-raħal bħas-soltu. Il-mamà qagħdet attenta li ssib id-data tat-triq tagħha preċiża u niżlitha fuq l-almanakk tal-kċina bħala ġurnata importanti. Fil-fuljett parrokkjali kien hemm enfasi li kull familja tilqa’ bi ħġarha lill-Arċipriet il-ġdid, Dun Frans Busuttil, li kien ilu r-raħal għal dawn l-aħħar xhur. Il-mamà u l-papà qraw il-kliem iswed fuq l-abjad b’reqqa kbira, u qatgħuha li jippreparaw ruħhom tajjeb ħalli jagħtuh merħba mistħoqqha. alt
 
Ftit ġranet wara, il-mamà marret għand Ċetta tal-grocer u xtrat id-dqiq, il-bajd, il-butir tat-tisjir, il-lewż, iż-żbib u z-zokkor biex issajjar ftit ħelu bnin kif taf hi. Bagħtet ukoll lill-papà jixtri flixkun whisky ħalli jagħtu grokk minnu lill-Arċipriet. Il-whisky swieh sold mhux ħażin għax kien wieħed mit-tajbin nett.
 
Dakinhar tat-tberik, id-dar kienet tleqq minn fuq s’isfel. Fis-salott, il-mamà firxet tapit aħmar u għamlet bukkett fjuri friski fil-buqar ta’ fuq il-mejda. Fil-kċina kien hemm riħa tfuħ taqsamlek qalbek. Il-mamà kienet xammret il-kmiem u bdiet tħawwad il-kejk minn filgħodu kmieni. Qalgħet idejha ddawwar bl-imgħarfa tal-injam sakemm ħalltet l-ingredjenti kollha flimkien billi l-cake mixer inzertat bil-ħsara. Meta dehrilha, qabdet it-taħlita, ferrgħetha f’reċipjent tond u tefgħetha fil-forn. Wara ħawdet it-taħlita tal-biskuttini tal-lewż, qegħdithom fejn xulxin f’reċipjent ieħor bil-karta tal-ostja taħthom u għamlithom fil-forn ukoll.
 
Waranofsinhar, il-mamà tgħidx kemm ġriet wara Luca u Elise biex ifittxu jlestu l-homework għax ma riditx pitazzi fin-nofs. Huma tefgħu rashom fil-kotba u ma ħlewx ħin. Il-mamà mbagħad firxet id-dvalja tal-bizzilla fuq il-mejda tal-kċina u poġġiet fuqha platt taċ-ċaqquf mimli b’diversi biċċiet tal-kejk u biskuttini tal-lewż. Ħdejh għamlet il-flixkun tal-whisky u tazza żgħira tal-kristall. Kif warrbet il-mamà, it-tfal intefgħu jnaqqru l-kejk u l-biskuttini mill-platt għax kien infetħilhom l-aptit. Dik l-ikla ħelu bnin niżlitilhom għasel.
 
Xħin wasal l-Arċipriet, il-mamà u l-papà ħadulu b’idejh u laqgħuh fis-salott. Imbagħad raddew is-salib, qalu talba qasira, u Dun Frans beda jroxx l-ilma mbierek ma’ kullimkien. Malli daħal fil-kċina lemaħ lil Luca u lil Elise. Berikhom u huma tbissmulu, u bisulu idu b’sinjal ta’ rispett. Wara, poġġa bilqiegħda fuq wieħed mis-siġġijiet tal-injam biex jistrieħ ftit u jgħid kelma magħhom ilkoll. Il-mamà ferrgħetlu grokk whisky u hekk kif ittantat tqiegħed il-platt quddiemu biex toffrilu biċċa kejk jew biskuttin, indunat li kien vojt. Mill-ewwel ħasbet ħażin fit-tfal u dlonk ftakret li kienet rathom ifarfru l-frak minn ma’ ħalqhom meta raw lil Dun Frans dieħel ħdejhom. Tathom ħarsa kerha għax mhux suppost kellhom imissuh dak il-platt taċ-ċaqquf. Il-ftit biċċiet kejk u biskuttini li kien għad fadlilha fuq ir-riħ spiċċa kielhom kollha l-Arċipriet. Dawk suppost kienet refgħethom għal wara t-tberik biex jikluhom mat-te. Imma, issa, hi u l-papà kienu se jibqgħu mingħajrhom minħabba dawk iż-żewġ żaqqiqin, Elise u Luca. L-Arċipriet żgur li ma ddispjaċiehx li mar għandhom għax tgħidx kemm dam jgħidilhom prosit tal-ħelu bnin u tal-whisky fin li tawh.