Ħadd komuni

altJisbaħ il-Ħadd. L-ewwel aġenda fil-lista tal-lum hi l-quddiesa. Tas-sebgħa l-Kappella tal-Mużew ftit ’l isfel minna lejn il-Bombi. Miegħi tiġi n-nanna. Trid parank biex titla’ dawk il-25 tarġa. Kif niġu fuq insibu speċi ta’ magna żgħira (numeratur), fuq xkaffa tal-injam f’rokna kif titla’ t-taraġ, biex min se jitqarben jagħfasha, ħalli tal-Mużew ikunu jafu minn qabel kemm jinħtieġu ostji.

Ġieli nirrabja lin-nanna, għax nagħfasha wkoll meta ma nkunx se nitqarben. Hekk jgħidu li jagħmlu xi ħbieb tal-Mużew. U billi jien ukoll nagħmel bħalhom, x’fiha? Minħabba f’hekk, meta nkun se nitqarben, nipprova nitla’ l-aħħar wieħed, biex flok ostja waħda ningħata aktar. Għax ma jkunux iridu jħallu ostji kkonsagrati fil-kappella.

Wara l-quddies immorru d-dar għat-tè. Insib bajda mgħollija sħuna, li tħejjili z-zija Connie, ma’ żewġ dawriet ħobż tal-Malti mixwijin fuq il-Valor. Il-gradilja li xtrat in-nanna, u li tintuża apposta għall-ħobż mixwi fuq din il-kuċiniera, tgħidx kemm tixwi ħobż tajjeb. Imbagħad immur il-ħanut ħdejn in-nannu, inbigħ il-gazzetti. Bħal-lum ikun iridni ħdejh, għax wara l-quddisiet tgħidx x’jaqgħu tan-nies, l-aktar biex jixtru l-gazzetti u s-sigaretti. Il-ħanut, peress li hu żgħir ħafna, ikun imballat u peress li l-vetrini għandhom il-ħġieġ jiġri, in-nannu ġieli qabad lil xi tfal imqarbin iressqu l-ħġieġ bil-mod il-mod u joħdulu l-ħelu bla ma jħallsu għalih.

Meta tintemm l-aħħar quddiesa u n-nies ikunu xtraw mill-ħanut tan-nannu, nilmaħ liz-ziju Pio u liz-zija Luċija ġejjin bil-karrozza tat-tip Austin Wolsley. Ħafna drabi, nhar ta’ Ħadd, jgħaddu minn ħdejn in-nannu u jekk jarawni fil-bieb, joħorġuni magħhom għal dawra bil-karrozza. Mill-Blata l-Bajda nieqfu l-Ħamrun, fejn joqogħdu l-mamà u l-papà u jġibu lil xi ħadd ieħor jew tnejn minn ħuti mingħand il-mamà.

Iz-ziju Pi jidher li jħobbna ħafna. Hu ħu n-nannu Pawl, u z-zija Luċija hi Taljana pulita ħafna. Iz-ziju Pi u z-zija Luċija ma għandhomx tfal. Għalhekk jgħaddu għalina u joħduna magħhom. Id-dawra dejjem l-istess. Jew fir-ristorant tal-injam f’Għajn Tuffieħa, jew il-Lukanda Seabank l-Għadira, jew il-Winter Garden fix-Xemxija. L-aktar li nieħu gost, meta mmorru Għajn Tuffieħa, għax hemm muntanja għolja ta’ ramel. Ikun hemm ħafna tfal telgħin u niżlin fuqha.

Fis-sajf nara ħafna tfal u nies jgħumu, iżda meta noħorġu maz-zijiet inkunu lebsin pulit u l-baħar inxommuh biss. Lanqas lejn il-muntanja tar-ramel ma nitħallew nersqu. Jidher li liz-ziju Pi jafuh ħafna nies, għax jersqu lejh, ikellmuh. Jaf xi disa’ lingwi, għax meta kien żgħir kien joqgħod l-Eġittu, mal-familja tiegħu u hemm jgħid li ħafna jistudjaw il-lingwi. Għandu ħanut Tas-Sliema jismu Rex Photo Studio. Id-dar tiegħu u taz-zija tmiss mal-ħanut fi Triq il-Prinċep ta’ Wales.

Fil-postijiet li mmorru, hu jordna birra, iz-zija Luċija dejjem Aranciata San Pellegrino  u lilna għalkemm jistaqsina, jġibilna Kinnie  jew  Kitty Kola. Noqogħdu kwieti ħafna miegħu, inkella darb’oħra ma joħodniex.

Lura d-dar tgħidx kemm isuq, l-aktar fit-telgħa ta’ San Ġużepp tat-Tarġa. Karrozzi ma tantx tara, iżda dak il-ġiri, f’jum xemxi b’żaqq bla ikel, u r-riħa tal-plastik li biha huma miksijin is-seats  itellgħuli l-istonku. Ħuti jieqfu d-dar għand il-mamà. Lili jerġgħu jwassluni l-Blata l-Bajda għand in-nanniet, eżatt fil-ħin tal-ikel. Iz-ziju Pi jpaqpaq il-ħorn, u z-zija Connie toħroġ għalija, taqsam it-triq u toħodni magħha, waqt li jien inlissen il-kliem thank you u benedizzjoni, u nerġa’ naqsam magħha għad-dar.

Wara l-ikel ta’ nofsinhar ilkoll nitilgħu nistrieħu ftit. Jien norqod. Issa li qomt, flimkien man-nanna qed nirranġaw is-saqqijiet. L-ewwel ngħinha ndawru min-nofsu s-saqqu tal-wiċċ u nfettħu l-ħaxixa tas-saqqu ta’ taħt, l-ewwel min-naħa u mbagħad mill-oħra, u wara nerġgħu nifirxu s-seqqu tal-wiċċ li hu tas-suf u nfettħuh ukoll. Fih ċerta riħa li ddejjaqni. Iżda ladarba s-saqqijiet ikunu ‘mfettħin’ fihom l-isbaħ raqda, għax huma morbidi għall-aħħar.

M’ilux, in-nanna waħħlet f’rasha li tilfet iċ-ċrkett tat-tieġ barra. Ma nafx kif, illum, wara xi ġimagħtejn, qed inħoss xi ħaġa mhix tas-soltu taħt subgħajja. Hu ċ-ċurkett tan-nanna. Kemm qed tifraħ! Qed tgħidli li se toħodni magħha r-Redentur tal-Isla, gġax għandha wegħda. Diġàsaru t-tmienja ta’ filgħaxija u qed inħejji kollox għal għada t-Tnejn, meta għal ħamest ijiem wara xulxin, nattendi l-iskola.