Annie Oakley (1860–1926)

Charles B. Spiteri
B’MIRA PERFETTA
altAnnie, li twieldet fl-1860 u għexet 66 sena kienet tiratura mill-aqwa u ħadet sehem fil-Wirja ta’ Buffalo Bill’s Wild West, meta kellha biss 17-il sena.
Kienet popolari fl-Istati Uniti u fl-Ewropa għall-mira li kellha u kienet esperta fl-isparar tal-pistoli, rifles u xkubetti. Darba, b’rifle .22, laqtet 4,772 boċċa tal-ħġieġ minn 5,000 li tefgħalha fl-arju, f’jum wieħed.
F’għoli ta’ 90 pied (27 metru), kellha l-ħila tolqot karta tal-logħob bix-xifer irqiq jipponta lejha, waqt li sakemm taqa’ fl-art, ittaqqabha ħames jew sitt darbiet b’tiri separati oħra. Darba, fuq stedina tiegħu stess, sparat fuq sigarett li kien f’ħalq il-Prinċep werriet tas-saltna tal-Ġermanja, aktar tard Wilhelm II.
Annie Oakley twieldet fit-13 ta’ Awwissu, f’kabina tal-injam f’Patterson Township, Ohio. Bdiet tispara meta kellha disa’ snin. Meta miet missierha, u biex tgħin lill-familja, bdiet toħroġ tikkaċċja.
Waqt żjara f’Cincinnati, kellha sfida minn Frank E. Butler, stilla tal-Vaudville. Rebħitlu hi, għalkemm ix-xorti riedet li aktar tard iżżewġitu. Tant qablu bejniethom, li hi wkoll saret stilla magħrufa.
Twila biss ħames piedi (152 ċentimetru) kienet imlaqqma Little Sure Shot. Ingħaqdet mal-Buffalo Bill’s Wild West Show fl-1885 u l-musical li baqa’ magħruf, bl-isem Annie Get Your Gun hu r-rakkont ta’ ħajjitha.